Lokali

“Robert Abela ma fadallux fuq min idur u ma’ min jaħdem” – PN

"Robert Abela ma fadallux fuq min idur u ma’ min jaħdem"

Bl-għażla ta’ Johann Buttigieg mill-ġdid bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar – aħbar li żvelat il-gazzetta il-Mument tal-Ħadd li għadda u kkonfermatha t-Times of Malta llum, Robert Abela qed jikkonferma kif ma baqagħlu lil ħadd ma’ min jaħdem u fuq min idur. 

Il-musical chairs ta’ Robert Abela illum saru neċessità għax ma fadallux fuq min idur. Tant li se jkollu jreġġa’ l-arloġġ lura u jerġa’ jpoġġi lil Johann Buttigieg CEO tal-istess Awtorità, sitt snin wara li telaq mill-istess kariga.

Kien dan li ħareġ minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista f’isem ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, Stanley Zammit; fejn tkompli tgħid li Abela donnu nesa li skont hu, l-arloġġ dejjem miexi ’l quddiem u qatt ma jmur lura.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jenfasizza li dawn it-tip ta’ karigi fl-Awtoritajiet għandhom jgħaddu mill-iskrutinju tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi tal-Parlament.

Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jkun impenjat serjament fi prattiki ta’ governanza tajba u kontabbilità.

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-Awtorità tal-Ippjanar tkun istituzzjoni indipendenti u ħielsa minn kull indħil politiku, u li tippromwovi żvilupp sostenibbli li jirrispetta l-interessi tan-nazzjon kollu,  fejn l-interessi tal-poplu u l-ambjent ikunu l-prijorità.

Dan jista’ jsir biss permezz ta’ riforma kompleta u olistika tas-sistema tal-ippjanar u mhux billi jiitreġġa’ l-arloġġ lura u jiġu rriċiklati ħatriet kontroversjali, inkluż ta’ nies li gew ippruvati li kienu qrib persuni li huma implikati f’uħud mill-iktar delitti u skandli serji li twettqu fl-aħħar snin.