Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li saq fuq numru ta’ persuni f’Paceville

Żagħżugħ ta’ 18-il sena ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, li l-għada tal-Milied huwa saq fuq diversi persuni f’Paceville. Leon Cremona Adly ammetta li fil-lejl ta’ bejn il-25 u s-26 ta’ Diċembru saq karozza mhux tiegħu għal fuq xi nies li kienu fl-inħawi u li laqat karozza fejn ikkawżalha diversi ħsarat.

Il-Qorti issospendietlu l-liċenzja għall-perjodu ta’ 12-il xahar u poġġietu taħt ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ sentejn. Dwar dan il-każ ma saru l-ebda rapporti bil-Pulizija tasal għal dak li seħħ minn fuq filmati tas-CCTV. Minn informazzjoni li ġabret il-Pulizija jirriżulta li l-inċident seħħ meta l-imputat kellu xi jgħid ma’ persuni oħra fuq tfajla fejn stabbiliment fi Triq San Ġorġ, bil-ġlied ikompli quddiem stabbiliment ieħor.

L-akkużi tal-Pulizija kienu jikkonsistu f’attentat ta’ feriti gravi. Huwa kien ġie mixli b’sensiela ta’ akkużi wara li saq fuq numru ta’ persuni f’Paceville, fil-lejl bejn is-26 u s-27 ta’ Diċembru. Huwa ammetta wkoll li saq vettura mingħajr ma kellu liċenzja tas-sewqan, bla polza ta’ assigurazzjoni, li kien qed isuq vettura mhux tiegħu mingħajr il-permess tas-sid u li kien xurban.

Fost il-ħdax-il akkuża li kien qed jiffaċċja iż-żagħżugħ, hemm ukoll dik ta’ ksur tal-paċi pubblika u li rrifjuta li jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija. Il-Qorti minbarra s-sentenza sospiża, ordnat is-sospensjoni tal-liċenzja u ordni ta’ probaton u ordnatu li jħallas is-somma ta’ €897.51ċ. lil persuna li saritu l-ħsara fil-karozza li ntlaqtet mill-imputat.

Fi tmiem is-sentenza tagħha, il-Maġistrat Gabriella Vella filwaqt li qieset il-kondotta nadifa tal-imputat, widdbitu li jekk jikser xi waħda mill-ordnijiet tagħha jista’ jispiċċa jservi s-sentenza ta’ sena ħabs li ma tibqax soispiża.

Għal Cremona Adly dehru l-Avukati Nicolas Mifsud u Ishmael Psaila, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Clive Aquilina mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Darryl Farr.