Il-Prim Ministru jattakka lill-ġurnalisti u l-media ta’ Net News
Fil-jiem li għaddew ġie kkonfermat li ġiet konkluża l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-kumpanija 17 Black hekk kif din ġiet ippreżentata lill-Avukat Ġenerali mill-Maġistrat Charmaine Galea.
U filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti li din l-inkjesta għandha tiġi ppubblikata minnufih u li l-inkjesta għandha tingħata lill-persuni li talbu li tinfetaħ – ċioè l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa – sa issa, il-Labour għadu ma għamel ebda apoloġija għal dan l-iskandlu li huwa marbut mal-power station tal-Electrogas.
L-Erbgħa filgħodu l-Prim Ministru kien mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti fuq l-imsemmija inkjesta, b’Abela jiċħad kategorikament li m’għandux kopja tagħha.
Iżda meta mistoqsi minn Net News fuq jekk hux lest jagħmel apoloġija lill-poplu għal dawn l-iskandli tal-Labour… huwa insista li ħadd mill-membri Laburisti preżenti ma hu indizzjat.
Stqarrija li ċertament tqajjem suspett hekk kif id-domanda hija loġika: kif jaf Robert Abela b’dan il-fatt, jekk l-inkjesta ma tinsabx f’idejh?
It-Times qed tgħid illi dawk li allegatament mistennija jitressqu jinkludu lil Konrad Mizzi u Keith Schembri; li kienu jokkupaw pożizzjoni ta’ Deputat Mexxej Laburista u Chief of Staff ta’ Joseph Muscat rispettivament. Apparti minn hekk, hemm Deputati Laburisti preżenti u saħansitra Ministri li lura fis-snin kienu ddefendewhom kemm barra kif ukoll ġewwa l-Parlament, proprju fuq dan is-suġġett.
Iżda minflok għoġbu jagħmel apoloġija, l-Prim Ministru Abela attakka lil Net News b’allegazzjonijiet bla bażi – attakk ċar fuq l-integrità tal-ġurnalisti.
Intant, minkejja kollox Robert Abela baqa’ jiddefendi lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg – iżda apoloġija mal-poplu qed jibqa’ jaħrab għal kollox milli jagħmel.
//= $special ?>