Wara li ftit tax-xhur ilu ġie żvelat li l-Ministru Clifton Grima nefaq madwar €15,000 għal disat ijiem f’lukanda f’Pariġi għall-ftuħ tal-Olimpjadi; issa ġie żvelat li l-Prim Ministru Robert Abela u martu nefqu kważi €11,000 għal żewġt iljieli f’Pariġi stess, għall-istess ċerimonja.
Dan ħareġ minn informazzjoni ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fejn jirriżulta li Robert Abela u martu nefqu €10,811 għal żewġt iljieli f’lukanda ta’ ħames stilel fil-kapitali Franċiża – eluf ta’ ewro li ħarġu mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi.
Ġie żvelat ukoll li għal din iż-żjara Robert Abela u Lydia Abela kienu akkumpanjati minn 4 persuni oħra; però mhuwiex ċar għal kemm-il kamra ħallas il-Gvern.
Interessanti l-fatt li s-somma ta’ €11,000 tinkludi biss il-ħlas għall-akkomodazzjoni; li jfisser li l-ammont tan-nefqa totali għal dan il-vjaġġ kapaċi jkun wieħed ferm għola.
Lejl wieħed f’din il-lukanda ta’ ħames stilel fiċ-ċentru ta’ pariġi jiswa’ ‘l fuq minn €1,000. Il-lukanda hija magħrufa bħala waħda lussuża u tinsab bejn it-Torri Eiffel u l-Arc de Triomphe – bil-Prim Ministru qatta’ żewġt iljieli hemmhekk, bejn il-25 u s-27 ta’ Lulju.
Intant, mhux l-ewwel darba li ġie żvelat li numru ta’ delegazzjonijiet nefqu l-eluf ta’ ewro għal ftit jiem f’pajjiż fejn żewġ delegazzjonijiet tal-Gvern kienu nefqu kważi €20,000 fuq ħames biljetti tal-ajru għaċ-Ċina u €16,500 għal sitt biljetti tal-ajru għall-Estonja.
//= $special ?>