L-OPINJONI
Fi tmiem il-ġimgħa beda l-Closing Round tat-360Sport Malta Premier fejn kemm Floriana kif ukoll Ħamrun Spartans taw messaġġ li ser ikun protagonisti b’rebħiet kbar.
Ir-rebbieħa tal-Opening Round Floriana kisbu rebħa konvinċenti kontra Naxxar Lions bl-iskor ta’ 4-0. Kienet logħba li ftit li xejn kellha storja bit-tim qawwi ta’ Floriana jkun wisq għal-Lions. Fil-fatt, Naxxar kellhom diversi bidliet mill-aħħar logħba fejn matul l-aħħar ġimgħat neħħew erba’ Brażiljani li utilizzaw fl-ewwel parti tal-Kampjonat. Mill-banda l-oħra, Darren Abdilla għamel bidla waħda b’Gamarra jibda flok Veselji. Dan kien konfront bejn żewġ timijiet li spiċċaw fuq in-naħat opposti fl-Opening Round u għaldaqstant ftit kien hemm dubji fejn ser imorru l-punti. Il-Greens skurjaw żewġ gowls f’kull taqsima u sabu l-okkażjoni li jagħtu ċ-ċans lil ħames players prodott tagħhom li daħlu bħala sostituti matul din il-partita. Meta tqis kollox, assistejna għal kontinwità minn dak li kellna fl-Opening Round.
Franklin Sasere jiskorja żewġ gowls kontra Naxxar Lions fir-rebħa ta’ 4-0 (Ritratt: Joseph Galea)
Ħamrun Spartans kellhom bidu eċċellenti għall-Closing Round wara li huma għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor tennistiku ta’ 6-1 biex b’hekk kisbu double wara r-rebħa fl-ewwel round bl-iskor ta’ 3-2. Kienet logħba li rat lix-Xlukkajri jmorru fil-vantaġġ iżda mbagħad, reazzjoni ta’ saħħa u valanga ta’ gowls mill-Ispartans. M’Xlokk wara li kellhom bidu diffiċli fl-Opening Round li wassal ukoll għat-tneħħija tal-kowċ Winston Muscat, irkupraw tajjeb ħafna u minkejja li spiċċaw mal-Bottom Six xorta waħda qatt ma’ kellhom theddida għar-relegation fuq rashom. Fil-fatt, din it-telfa kontra Ħamrun waslet wara numru ta’ riżultati pożittivi. L-Ispartans ukoll kienu deludenti fl-Opening Round fejn kien biss fl-aħħar logħba li huma kisbu post mat-Top Six. Iżda jidher li issa l-istorja ser tkun differenti.
Plejers tal-Ħamrun jiċċelebraw wieħed mis-sitt gowls li skorjaw hekk kif ħadu l-ewwel tliet punti (Ritratt: Joseph Galea)
Mosta bdew il-Closing Round bl-aqwa mod wara rebħa fuq Gzira United. Dan kien konfront bejn żewġ timijiet li kienu separati minn xulxin imma fl-istess ħin viċin ħafna. Dan għaliex Mosta temmew l-Opening Round fit-Top 6 fl-aħħar post filwaqt li Gżira United fil-quċċata tal-Bottom 6. Kienet rebħa meritata għal Mosta meta tqis kollox f’partita li m’offrietx daqshekk azzjonijiet. It-tim immexxi minn Joe Grech kien tattikament tajjeb ħafna fejn naqqas ħafna mill-offensiva Gżirjana. Dawn tal-aħħar ma kienux fil-forma u jridu li kemm jista’ jkun malajr jinsew din il-partita. Fil-fatt kellu jkun gowl minn set piece tal-veteran Clayton Failla li xaqleb il-miżien favur Mosta.
Żabbar St Patrick komplew fejn ħallew fir-round preċedenti meta forsi kontra kull mistenni għelbu lil Sliema Wanderers b’gowl lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima. U biex il-kompitu tal-Blues isir aktar diffiċli, huma spiċċaw il-partita b’għaxar players. Debutt pożittiv għal Jurgen Pisani fi ħdan it-tim Żabbari fejn dawn qed ikomplu fuq il-wirjiet u riżultati li kellhom fil-Bottom Six fejn kisbu l-akbar numru ta’ punti f’dik il-fażi. Wieħed kien jistenna ħafna aktar minn Sliema Wanderers wara li kisbu t-tielet post fl-Opening Round, iżda donnu li ma kinetx il-ġurnata tagħhom. Għalihom iddebutta l-Eks Floriana, Kyrian Nwoko, li daħal bħala sostitut tard fil-partita. Għal Żabbar dan huwa mument feliċi fejn jekk ikomplu jibnu fuq ir-riżultati riċenti l-avventura tagħhom fil-Kampjonat Premier ma tkunx ta’ sena waħda, imma t’aktar.
Gowl skurjat mill-veteran Clayton Failla għoxrin minuta minn tmiem il-partita, ta l-ewwel tliet punti lil Mosta b’rebħa bl-iskor ta’ 1-0 fuq Gżira United. Kienu tliet punti li bihom Mosta jippruvaw jirrepetu dak li għamlu fl-Opening Round billi jispiċċaw fit-Top Six. L-aspirazzjonijiet tat-tim immexxi minn Joe Grech huma li jserrħu rashom li staġun ieħor ikunu mill-ġdid fl-ogħla kampjonat tal-futbol lokali. Diżappuntanti xi ftit Gżira United fejn wieħed stenna ħafna aktar mill-Maroons li kienu tant viċin li jiksbu post mat-Top Six u tilfuh biss fl-aħħar mument tal-aħħar logħba kontra Ħamrun Spartans. Il-Maroons iridu li jinsew din il-partita u mill-ewwel iħarsu ‘l quddiem lejn wirjiet u riżultati aħjar.
U tim ieħor li kiseb rebħa kbira kien dak ta’ Birkirkara li għeleb lill-ġirien Balzan bl-iskor ta’ 5-2 fl-aħħar logħba minn Match Week 17 tat-360Sports Malta Premier. Kienet logħba li produċiet seba’ gowls fejn wara li l-istripes marru minn fuq, kien hemm ir-reazzjoni ta’ Balzan li sa’ tmiem l-ewwel taqsima dawru r-riżultat favur tagħhom. Iżda wirja b’saħħitha fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta waslet sabiex l-istripes kisbu rebħa oħra kbira. Riżultat li għandu jgħin psikoloġikament lil Birkirkara wara li fl-Opening Round fallew li jispiċċaw fl-ewwel post wara li kienu fuq quddiem kważi sal-aħħar mumenti. Mill-banda l-oħra Balzan jidher li ftit li xejn inbidlu affarijiet u jekk ma jurux titjib konsiderevoli, id-destinazzjoni tagħhom ma tantx hemm possibiltà li tinbidel.
//= $special ?>