Lokali

“Il-Gvern jiġi fi kliem il-Partit Nazzjonalista fuq il-ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol” – PN

Issa induna li jrid jibda jindirizza l-isfidi u nieda proċess ta’ konsultazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Gvern Laburista, fl-aħħar beda jara kif jipprova jindirizza l-isfidi dejjem jikbru relatati mal-ħaddiema barranin f’pajjiżna — problemi li kibru minħabba l-politika li addotta l-istess Gvern.

Għal snin twal, il-Gvern Laburista bbaża l-pjan ekonomiku tiegħu fuq il-kwantità, u ħoloq sitwazzjoni fejn Malta mhix tlaħħaq mal-bżonnijiet u l-piżijiet ġodda li nħolqu, fosthom pressjoni fuq ir-riżorsi, l-infrastruttura, is-servizzi u l-komunitajiet.

Dan intqal fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riforma Darren Carabott u x-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo.

Dan l-eżerċizzju ilu meħtieġ snin twal, kif dejjem saħaq il-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar snin. Il-Kap tal-PN Bernard Grech ilu aktar minn erba’ snin li ppropona li titlaqqa’ konferenza nazzjonali biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problema tal-popolazzjoni dejjem tikber minħabba l-ħaddiema barranin li qed jiġu impurtati f’pajjiżna.

Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ għaqal u amministrazzjoni ħażina tal-Gvern f’dan il-qasam ħallew lil Malta tissielet biex tlaħħaq mar-realtajiet ta’ żieda f’dawn il-ħaddiema minn pajjiżi terzi.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem ressaq proposti ċari u bbilanċjati biex jindirizza dan il-kwistjoni kumplessa, b’enfażi fuq l-importanza li jiġu identifikati l-lakuni fil-ħiliet u li nidentifikaw liema ħiliet hawn bżonn f’pajjiżna, ibbażati fuq studji kontinwi tas-suq tax-xogħol biex ikun imħares l-interess nazzjonali ta’ Malta.

Gvern ġdid Nazzjonalista:

  • Jikkonsulta mal-partijiet interessati kollha: Aħna nemmnu f’politika inklużiva. Dan ifisser li ninvolvu lill-komunitajiet lokali, l-għaqdiet mhux governattivi (NGOs), il-forzi tas-sigurtà, il-mexxejja tal-industrija u l-imsieħba internazzjonali biex niżguraw li l-vuċijiet kollha jiġu mismugħa u kkunsidrati.
  • Jevalwa kull possibbiltà: Il-Partit Nazzjonalista se jesplora kull soluzzjoni li tista’ timmaniġġja il-ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol b’mod ġust u sostenibbli.
  • Jsaħħaħ il-proposti li diġà saru: Il-Partit Nazzjonalista se jaħdem biex jassigura li dak li diġà ġie espress u propost, kemm minna kif ukoll mill-partijiet interessati, jiġi implimentat mingħajr aktar dewmien. 

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jimplimenta qafas għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jagħti prijorità lill-interessi ta’ Malta, filwaqt li jiżgura proċessi effiċjenti u umani. Politika li tara li tiżdied il-produttività u tikber l-ekonomija mingħajr ma jiżdied il-piż fuq l-infrastruttura jew il-kwalità tal-ħajja.

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jonqos fid-dmir tiegħu li jiżgura li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol tiġi mmaniġġjata b’mod responsabbli, bid-dinjità, u b’mod li l-interessi tal-poplu Malti jibqgħu dejjem fuq quddiem ta’ kull deċiżjoni.

Il-PN se jkun qiegħed ukoll jikkontribwixxi għall-konsultazzjoni pubblika li tnediet illum fuq il-Malta Labour Migration Policy billi jressaq il-proposti tiegħu f’dan ir-rigward wara li jorganizza sensiela ta’ laqgħat mal-istakeholders u janalizza fid-dettall dak li qed jipproponi l-Gvern.