Lokali

Il-Mexxej Laburista maħkum minn paniku – mhux jiflaħ għall-pressjoni interna

Il-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela ilu issa x-xhur maqbud f’morsa ta’ paniku bejn żewġ klikek; dik tal-istess Abela u dawk li huma segwaċi devoti tal-eks Mexxej tal-Labour Joseph Muscat.

Dan hekk kif qed toħroġ dejjem aktar ċara d-distinzjoni bejn dawk li jiddeskrivu lilhom infushom bħala suldati tal-azzar…u dawk li jiddeskrivuhom bħala “opportunisti”. Bil-Laburisti ġenwini qed iħossuhom imwarrbin u injorati mill-istess Abela.

Fl-aħħar xhur kienu diversi l-okkażjonijiet fejn Robert Abela deher f’diffikultà u dahru mal-ħajt taħt il-pressjoni tan-nies ta’ Joseph Muscat. Il-qasmiet bdew jidhru ċari fil-kampanja tal-MEPs fejn kandidati bħal Alex Agius Saliba u Daniel Attard stiednu lill-istess Muscat għall-attivitajiet politiċi tagħhom. U kellek nies bħal Jason Micallef iħeġġu lill-partitarji għal sostenn favur Muscat u sħabu quddiem il-Qorti, kontra r-rieda tal-istess Robert Abela.

Imbagħad aktar tard sorsi qrib sewwa iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u Kastilja żvelaw ma’ Net News li Robert Abela xeħet ir-responsabbiltà tar-riżultat xejn pjaċevoli għalih fuq Joseph Muscat.

Fl-istess żmien, kellu jċedi għal pressjoni biex dar lura minn kliemu u daħħal mill-ġdid mal-Labour lil Rosianne Cutajar. Kellu jiftaħ il-bieb u jdaħħal fit-tmexxija lil Jason Micallef biex joqgħod ta’ supervisor ħalli il-Kabinett iwettaq il-Manifest elettorali ta’ Abela, deskritt minn Joseph Muscat bħala Bibbja li diffiċli jitwettaq fi żmien stipulat.

Taħt it-tmexxija ta’ Abela kellek ir-riżenja ta’ numru ta’ Ministri, tgemgim u taqbid intern li m’huma kuntenti xejn bit-tmexxija tal-Mexxej preżenti.

Issa, f’paniku, Robert Abela sejjaħ in-nies biex nhar il-Ħadd li ġej jiċċelebra għeluq il-5 snin minn meta ħa t-tmexxija f’idejh tal-Partit Laburista. B’mossa bħal m’għamel Muscat meta għalaq 10 snin fit-tmexxija… qed jittanta jagħmel show of force  f’Kordin – turija ta’ saħħa mhux fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista, iżda man-nies ta’ Joseph Muscat.

Sorsi qrib iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista saħqu li Abela irid jimla l-post; iżda qed jispiċċaw jiġru wara n-nies huma hekk kif l-interess s’issa huwa bgħatut. 

Kulma jmur Robert Abela qed joħroġ dejjem aktar dgħajjef ukoll quddiem l-iskandli li qed ifeġġu ta’ kuljum….issa anke wara li fil-bidu tas-sena nqatgħet l-Inkjesta dwar 17 Black u l-Panama Papers. Skandlu li fih issemmew Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-predeċessur ta’ Abela, Joseph Muscat li miegħu Abela għamel il-patt imxajtan, u Konrad Mizzi li kien fost l-ewwel persuni li Abela mar jitgħannaq miegħu proprju ħames snin ilu meta sar Prim Ministru Intant fl-aħħar sigħat ħarġet l-aħbar li hemm min internament qiegħed imexxi sforzi biex Abela jitneħħa minn mexxej Laburista, b’laqgħat intenzjonati li jikber il-momentum biex jitneħħa minn postu.