Raġel li sostna li tliet ġurnali fosthom In-Nazzjon, immalafamaw u waqqgħu għaċ-ċajt lil ħuh li kien spiċċa maqtul, billi rrapportaw li kien omosesswali 25 sena ilu, ma kienx milqugħ għat-tieni darba bil-każ tiegħu jitwarrab mill-qrati ċivili.
Il-każ imur lura għall-1999 meta Joseph Formosa ta’ 52 sena kien instab mejjet b’daqqiet ta’ sikkina fis-6 ta’ Diċembru 1999, fl-appartament tiegħu tal-Qawra. Il-qtil għadu mhux solvut. F’artiklu ppubblikat fid-9 ta’ Diċembru, bit-titlu ‘Raġel misjub mejjet fis-sodda bi 13-il daqqa ta’ sikkina’, iI-ġurnali kienu rrapportaw li Formosa kien omosesswali.
Ħu Formosa, Ivan Formosa, fetaħ proċeduri ta’ libell kriminali kontra tliet gazzetti: Times of Malta, L-Orizzont u In-Nazzjon. Sostna li r-rapporti tagħhom dwar l-omosesswalità ta’ Joseph Formosa kienu malafamanti u diżonorat il-memorja tiegħu. Fil-qrati ċivili saru talbiet għal ħlas tad-danni.
L-Imħallef Francesco Depasquale, li ppresieda l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, iddeċieda li “bl-ebda mod m’għandu l-fatt li ġurnalist jikteb li persuna hija omosesswali tkun ikkunsidrata bħala xi ħaġa li tirredikola jew tiddiżonora lil dik il-persuna”.
L-Imħallef sab li r-rapport kien investigattiv u fattwali – speċjalment wara li semgħet lil Ivan Formosa jixhed li l-mara ta’ Joseph Formosa kienet qaltlu li kien omosesswali wara l-qtil tiegħu. L-Imħallef innota li l-fatt li Ivan Formosa ma kienx konxju dwar dan, ma għamilhiex malafamanti.
Id-deċiżjoni tal-Qorti Ċivili ħadet eku tar-raġunament użat mill-qrati kriminali: F’Mejju 2008 il-Qorti tal-Maġistrati sabet li l-fatt li l-artikoli jiddeskrivu lir-raġel mejjet bħala omosesswali ma setgħux jiġu interpretati bħala li jħammġu r-reputazzjoni tar-raġel. Ivan Formosa kien appella, u f’Diċembru tal-istess sena, l-appell tiegħu ġie miċħud u s-sentenza oriġinali kkonfermata.
//= $special ?>