Lokali Qorti

Jason Azzopardi jirtira l-allegazzjonijiet kontra s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol

Il-proċeduri ta’ libell mibdija mis-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol kontra l-Eks Membru Parlamentari Jason Azzopardi waqfu ħesrem wara li Azzopardi irtira l-allegazzjonijiet kollha li kien għamel fil-konfront ta’ Spagnol.

Azzopardi tefa’ post fuq Facebook b’allegazzjonijiet kontra Spagnol, waqt li kien jaħdem f’Identity Malta, illum Identità, kien parti minn racket li talab tixħim biex jinħarġu eluf ta’ permessi ta’ residenza u karti tal-identità.

Huwa bbaża l-allegazzjonijiet tiegħu fuq id-dikjarazzjoni ta’ individwu Eġizzjan li dan l-aħħar kien akkużat fil-Qorti dwar falsifikazzjoni ta’ dokumenti. Huwa kien ikkundannat sitt xhur ħabs. Madankollu, Azzopardi issa ddikjara li qed ‘jirtira l-allegazzjonijiet kollha li għamel bl-aktar mod assolut’.

Fid-dikjarazzjoni tiegħu ppreżentata lill-Qorti, innota li kien għamel dawn l-allegazzjonijiet b’intenzjonijiet ġenwini, u mhux biex jattakka l-kredibbiltà ta’ Spagnol. Barra minn hekk innota li kien diġà ddikjara, waqt il-proċeduri tal-Inkjesta Maġisterjali li kien talab fir-rigward ta’ Identity Malta, li Ryan Spagnol mhuwiex wieħed minn dawk il-persuni li hu ssuspettat li wettaq reati illegali.

Id-dikjarazzjoni ġiet konkluża b’apoloġija.

Ryan Spagnol kien assistit mill-avukat Chris Cilia.