F’seduta qasira l-Erbgħa, kompla jinstema’ l-każ ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u għadd kbir ta’ persuni oħra hekk kif qed ikompli l-każ tal-Vitals kontrihom. Dan b’rabta mas-serqa tat-tliet sptarijiet.
Kevin Causon, li jaħdem fis-settur bankarju, ippreżenta statement aġġornat ta’ Joseph Muscat. Għall-ewwel qal li bl-amment ma jiftakarx meta Muscat fetaħ il-kont. Aktar tard meta għamel il-verifiki qal lill-Qorti li l-kont infetaħ fit-8 ta’ Ġunju tal-2022 u dak inhar saret l-ewwel tranżazzjoni. Il-kont sar mal-kumpanija Em@ney li tqis lilha nnfisha bħala esperta fil-ħruġ u trażazzjonijiet ta’ flus elettroniċi u tipprovdi servizzi ta’ ħlas u soluzzjonijiet innovattivi tal-internet banking.
L-ewwel xhud kienet rappreżentanta tal-Kummissarju tat-Taxxa, Joanna Spiteri, li qalet li fuq rapport li kellu jsir, għadu mhux lest. Ir-rapport huwa ta’ Christopher Spiteri u li biex dan isir u jitlesta jieħu bejn sitta jew tmien xhur. Hija qalet li dan ir-rapport jinkorpora taxxa u VAT.
Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex il-proċeduri fil-konfront ta’ Taomac Limited jinstemgħu separatament bil-Qorti ma toġġezzjonax għal din it-talba. Ħareġ ukoll li fis-seduta li jmiss għandu jixhed Jeremy Harbinson li huwa espert forensiku.
Il-każ se jkompli jinstema’ nhar it-Tlieta, 14 ta’ Jannar fl-10am.
Il-provi qed jinstemgħu kontra l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Ministru Laburista għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, u l-Eks Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri, kif ukoll 11-il individwi oħra u disa’ kumpaniji.
Minbarra akkużi ta’ ħasil ta’ flus, frodi u konfoffa, Joseph Muscat u Konrad Mizzi qed jiffaċċjaw akkużi li aċċettaw tixħim u korruzzjoni f’karigi pubbliċi, filwaqt li Schembri qed ikun akkużat b’reati relatati ma’ ftehim ta’ tixħim u abbuż mill-kariga tiegħu biex jesiġi vantaġġ illegali.
Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT huma akkużati flimkien mal-kumpanija tagħhom, li xjentement għenu lil Muscat biex jaċċetta tixħim. Ir-rappreżentant legali ta’ Steward Malta Management, l-avukat David Joseph Meli, huwa mixli kemm fil-kapaċità personali tiegħu, kif ukoll bħala rappreżentant ta’ Steward Malta Management Ltd, li kkorrompa uffiċjali pubbliċi, li jinkludu lil Muscat, Schembri u Mizzi.
Il-maniġer tal-IT il-Britanniku ta’ Steward, il-Britanniku Clarence John Conger-Thompson u l-awditur tiegħu, Christopher Spiteri, huma akkużati wkoll b’reati relatati mat-tixħim. Spiteri waħdu huwa akkużat ukoll li aġixxa b’diżonestà kbira fit-twettiq tal-attività professjonali ta’ awditur jew accountant, kif ukoll li għamel dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika, li kiser is-segretezza professjonali u li ħalla barra jew li għamel dikjarazzjonijiet tat-taxxa foloz għall-imprenditur Pakistani Shaukat Ali Chaudhry u membri tal-familja ta’ Chaudhry.
Huwa qed jiġi akkużat ukoll li għamel falz quddiem l-inkjesta maġisterjali. Spiteri fil-kapaċità personali tiegħu kif ukoll ta’ awditur, flimkien ma’ Jonathan Vella, il-fornitur ta’ tagħmir mediku lil Ivan Vassallo u sieħbu fin-negozju Mario Victor Gatt, huma akkużati b’kontabbilità falza, kemm fil-kapaċitajiet personali tagħhom kif ukoll bħala rappreżentant ta’ Technoline Ltd u Eurybates. Ltd.
Spiteri jinsab akkużat ukoll, fil-kapaċità personali tiegħu kif ukoll ta’ awditur, flimkien ma’ Jonathan Bondin u David Meli, bħala rappreżentanti ta’ MTrace p.l.c. u Gateway Solutions Ltd, billi xjentement għamlu dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika biex tikseb vantaġġ illeċitu. Adrian Hillman ukoll huwa akkużat b’rabta ma’ dawn l-akkużi.
It-tim tad-difiża hu komposta mill-Avukati Stefano Filletti, Jason Grima, Arthur Azzopardi, Sean Zammit, Mark Vassallo, Edward Gatt, Marion Camilleri, Franco Debono, Chris Cilia, Dean Hili, Veronique Dalli, Andrè Portelli, Giannella de Marco, Charles Mercieca, Stephen Tonna Lowell, Vincent Galea, Luke Dalli, Rachel Powell, Charlon Gouder, Dominic Micallef, Ishmael Psaila u Etienne Borg Ferranti, Shazoo Ghaznavi, David Bonello, Alex Scerri Herrera, Jessica Formosa u Jeannine Depasquale.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati tal-AĠ Francesco Refalo, Rebekah Spiteri, Shelby Aquilina u Anthony Vella, is-Supretendent Fabian Fleri u l-Ispetturi Hubert Cini u Wayne Rodney Borg.
//= $special ?>