Internazzjonali

L-Istati Uniti: Eluf jaħarbu min-nirien inkontrollabbli f’Los Angeles fost twissijiet li l-agħar għadu ġej

Filwaqt li reġjuni sħaħ tal-Istati Uniti qed iġarrbu l-effetti tal-akbar kesħa – u nżul tal-borra – għal tal-anqas għaxar snin, il-poplu ta’ Los Angeles, fl-Istat ta’ Kalifornja, qed jiffaċċjaw emerġenza għalkollox differenti. F’dan il-każ, tliet inċidenzi ta’ nirien kbar u kważi inkontrollabbli li qabdu qalb foresta u art aħrax u li fl-aħħar sigħat ħakmu wkoll qalb is-subborgi ta’ din il-belt famuża.

Bħalissas, tal-anqas 1,500 ħaddiem mal-iskwadri għall-emerġenzi qed jagħmlu minn kollox biex inaqqsu l-periklu għar-residenti, iżda l-elementi huma kollha kontra tagħhom, bl-awtoritjiet jinsistu bl-ogħla livell tal-allert fost l-evakwazzjonijiet kontinwi miz-zoni taħt theddida diretta mill-fjammi.

U waqt li n-nirien qed javviċinaw iz-zoni residenzjali minn diversi direzzjonijiet, l-awtoritjiet qed jinsistu biex l-għexieren tal-eluf jaħarbu minn djarhom. Ċirkustanzi mill-aktar allarmanti, speċjalment wara li l-istqarrija mill-istess awtoritajiet li – almenu għalissa – ma hemm l-ebda possibbiltà li l-firefighters tagħhom jistgħu jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

In-nirien anki qed ikunu xprunati mir-riħ qawwi u l-kundizzjonijiet ta’ nixfa – b’ħafna fost ir-residenti ta’ Los Angeles intervistati jgħidu li ma raw qatt fenomenu tan-nirien daqshekk feroċi. Dan ukoll meta mijiet li ħarbu minn djarhom spiċċaw mingħajr forma ta’ kenn jew akkomodazzjoni alternattiva.

In-nirien qed jaħkmu wkoll fil-madwar tal-iskola fiz-zona ta’ Pacific Palisades – istituzzjoni li ntużat waqt il-produzzjoni ta’ diversi films għaċ-ċinema u meta diversi ismijiet ċelebri ta’ Hollywood huma eks studenti tal-istess skola.

In-nirien fl-inħawi litteralment belgħu medda ta’ territorju f’perjodu ta’ ftit minuti u bil-konsegwenza li tal-anqas 30,000 persuna kienu ordnati biex jitilqu mill-inħawi f’sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt.

Nirien oħra prinċipali qed jaqbdu f’Los Angeles qed jissemmew bħala l-Eaton Fire u l-Hurst Fire.

In-nar ta’ Eaton beda jaqbad fl-inħawi ta’ Altadena u qalb l-għoljiet li jħarsu direttament għal fuq Pasadena u bil-fjammi jinfirxu b’rata mgħaġġla lejn bnadi oħrajn. Intant, in-nar ta’ Hurst qabad lejn in-naħa ta’ fuq ta’ San Fernando u meta wkoll kien qed jinfirex lejn il-madwar – bl-awtoritajiet jinsistu għall-evakwazzjoni tar-residenti mill-belt ta’ Santa Clarita.

Waqt l-eqqel tal-emerġenza ħarġet anki d-direttiva biex diversi skejjel ma jiftħux fl-inħawi ta’ Los Angeles – u bil-lezzjonijiet għall-istudenti jsiru online. Fost l-iskejjel li ma fetħux hemm dawk f’Santa Monica u Malibu u meta hemm possibbiltà li dawn jibqgħu magħluqin għat-tul taż-żmien.

In-nirien anki ħallew impatt kbir fuq il-provvista tad-dawl għar-residenti ta’ Los Angeles, b’għexieren ta’ eluf ta’ nies jispiċċaw mingħajr servizz. Sitwazzjoni li qed tinħass l-aktar fil-counties ta’ Los Angeles u Ventura u waqt li l-awtoritjiet ikkonċernati qed jippruvaw jirristawraw l-elettriku mill-aktar fis possibbli.