Il-ġurnalista Taljana Cecilia Sala, li x-xahar li għadda kienet inżammet taħt arrest fl-Iran, ingħatat mill-ġdid il-libertà u għadha kemm waslet lura f’Ruma wara titjira min Tehran – u ġranet konsekuttivi ta’ inċertezza dwar id-destin tagħha.
Sala, li għandha 29 sena, kienet arrestata fid-19 ta’ Diċembru u wara li inġinier Iranjan kien inżamm taħt arrest mill-awtoritajiet Taljani li suspettaw li r-raġel kien qed jissupplixxi t-teknoloġija relatata mad-drones lir-reġim ta’ Tehran… teknoloġija li fost oħrajn wasslet għall-imwiet tas-suldati Amerikani.
Il-ġurnalista, intant, kienet ilha għal dawn il-ġimgħat miżmuma fi stat ta’ iżolament fil-ħabs ta’ Evin u meta mhux ċar x’seta’ irriżulta fil-ħelsien tagħha. Mifhum ukoll li l-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, intervjeniet personalment fil-każ tal-ġurnalista u fost rapporti li hi anki ddiskutiet is-sitwazzjoni ta’ Sala mal-President-elett tal-Istati Uniti, Donald Trump.
Kienet anki Meloni li infurmat personalment lill-ġenituri tal-ġurnalista dwar il-ħelsien ta’ binthom – u bl-uffiċjali f’Ruma jgħidu li l-iżvilupp kien possibbli grazzi għal ‘ħidma intensiva mis-sorsi diplomatiċi u oħrajn qrib tas-servizzi sigrieti’.
L-arrest ta’ Sala – impjegata ma’ Chor Media, kumpanija tal-podcast – kien ixxokkja u rrabja bil-kbir lill-poplu Taljan u bil-każ tagħha kuljum jingħata prijorità mill-mezzi kollha tal-midja fl-Italja.
//= $special ?>