Id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg li ma tippubblikax ir-rapport tal-Inkjesta dwar 17 Black u l-Panama Papers hija konferma li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jinsab maħtuf minn Robert Abela.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fil-Belt Valletta, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina u l-Assistent Whip tal-Oppożizzjoni Paula Mifsud Bonnici spjegaw kif f’sitwazzjoni bla preċedent fl-istorja ta’ pajjiżna, l-Avukat Ġenerali qed iġġib l-iskuża li beħsiebha tressaq lil diversi persuni quddiem il-Qorti, biex ma tippubblikax ir-rapport tal-Inkjesta dwar 17 Black u l-Panama Papers.
Din, qalu Karol Aquilina u Paula Mifsud Bonnici, hija skuża redikola u irresponsabbli minn persuna li la hi denja u wisq anqas kompetenti biex tokkupa l-kariga ta’ Avukat Ġenerali ta’ pajjiżna.
Huwa skandaluż li bla mistħija ta’ xejn, li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ċaħdet it-talba ta’ Dr Simon Busuttil u tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa biex jingħataw kopja tar-rapport tal-inkjesta.
Il-kelliema fakkru li skont il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ pajjiżna, l-Avukat Ġenerali ta’ pajjiżna huwa l-uffiċjal prosekutur ewlieni ta’ pajjiżna. F’din il-kariga l-Gvern Laburista poġġa lil Victoria Buttigieg meta kulħadd jaf li Victoria Buttigieg m’għandha l-ebda esperjenza bħala prosekutur u qatt ma rifset l-għatba tal-awla tal-kriminal fil-Qrati ta’ pajjiżna. Għalhekk l-għażla ta’ Victoria Buttigieg kienet parti minn pjan premeditat ta’ Robert Abela meta ħames snin ilu rriżenja Peter Grech minn Avukat Ġenerali u minfloku poġġa lil Victoria Buttigieg. Robert Abela apposta għażel lil xi ħadd inkompetenti u li jista’ jikkontrolla biex ikun l-Avukat Ġenerali ta’ pajjiżna.
Illum huwa ċar li d-deċiżjonijiet ta’ Robert Abela f’dan ir-rigward huma kollha parti mill-patt imxajtan li daħal fih biex ħames snin ilu seta’ jsir Mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru wara Joseph Muscat.
Bħal ta’ qablu, Robert Abela qed juża u jikkontrolla lill-Avukat Ġenerali biex iċaħħad lill-poplu Malti u Għawdxi mid-dritt li jkun jaf min seraq il-miljuni mill-proġett tal-power station tal-Electrogas b’kumpaniji u kontijiet sigrieti u bit-twettiq ta’ reati serji fosthom korruzzjoni, abbuż ta’ poter u money laundering.
Ix-Shadow Ministers insistew li r-rapport tal-Inkjesta dwar 17 Black u l-Panama Papers huwa tal-poplu Malti u Għawdxi u mhux tal-Avukat Ġenerali u għalhekk għandu jkun ippubblikat mingħajr aktar dewmien.
Għal dan l-abbuż serju fit-twettiq tad-doveri kostituzzjonali tagħha, Victoria Buttigieg għandha ġġorr ir-responsabbiltà.
Robert Abela wkoll għandu jġorr ir-responsabbiltà politika għall-mod kif ħataf l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li bis-saħħa ta’ Victoria Buttigieg spiċċa istituzzjoni oħra li taħbi għax hekk jaqbel għal Robert Abela.
Il-messaġġ tal-PN lil Robert Abela u lil Victoria Buttigieg huwa wieħed, ċar u dirett: Daqshekk ħabi, ippubblikaw l-inkjesta dwar 17 Black u l-Panama Papers.
Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo
//= $special ?>