Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea mhix se toqgħod għat-theddid ta’ Trump rigward Greenland

L-Unjoni Ewropea ma tippermettix li pajjiżi oħrajn jattakkaw il-fruntieri sovrani tagħha wara li l-President Elett tal-Istati Uniti, Donald Trump, ma eskludiex għall-forza militari biex jaħtaf il-kontroll tal-Greenland – il-Gżira l-Kbira, jew territorju awtonomu Daniż, fir-reġjun tal-Artiku.

Ir-Rappreżentanti ta’ Franza sostnew biċ-ċar din il-pożizzjoni wara li Trump, fil-bidu tal-ġimgħa, irrepeta x-xewqa li jakkwista t-territorju inkwistjoni, fost l-insistenza li l-Greenland hija ‘kritika’ għas-sigurtà nazzjonali u ekonomika.

Iżda l-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin Jean-Noël Barrot, qal li m’hemm l-ebda dubju li l-UE mhix se toqgħod tħares waqt li xi stat ikun qed jhedded jew jimminaċċja lill-inħawi mal-periferiji tal-kontinent Ewropew. Barrot ma jemminx li l-Istati Uniti tasal tassew biex tinvadi lill-Greenland, iżda l-Unjoni Ewropea xorta qed tagħmilha ċara li m’għandhiex tispiċċa intimidata f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Donald Trump kemm-il darba esprima l-interess f’li jixtri l-Greenland – u anki tkellem b’dan il-mod waqt l-ewwel terminu bħala President tal-Istati Uniti.

Iżda d-Danimarka, membru tal-Unjoni Ewropea u għal żmien twil alleata ta’ Washington, qed tagħmilha ċara li l-Greenland mhix għall-bejgħ u li huma l-abitanti stess li jridu jiddeċiedu d-destin tal-gżira. U l-Prim Ministru ta’ Greenland Mute Egede, li qed jippromwovi l-indipendenza tat-territorju, ukoll wassal messaġġ inekwivoku li ‘Greenland mhi se tinxtara minn ħadd’.