Ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza mill-Gvernatur ta’ California hekk kif nirien kbar qed jeqirdu bosta subborgi ta’ Los Angeles, fosthom dak ta’ Pacific Palisades. Dan is-subborg, magħruf għall-vilel lussużi, toroq wesgħin imdawrin bis-siġar tal-palm, u ħwienet tad-ditta, jinsab fil-qalba tan-nirien li qed iħalli warajh ħerba kbira.
Sħab kbir ta’ duħħan qed jgħatti l-inħawi u qed joħloq sens ta’ ansjetà fost ir-residenti ta’ Los Angeles, li ħafna minnhom kienu mġegħlin iħallu djarhom u jmorru f’postijiet aktar siguri. L-awtoritajiet qed iwissu li dawn in-nirien, li qed jinfirxu aktar malajr minħabba riħ qawwi u nixfa kbira, jistgħu jiggravaw hekk kif ir-riħ mistenni jkompli jissaħħaħ matul il-lejl.
Aktar minn 30,000 residenti kellhom jevakwaw djarhom, u l-ħsarat fil-propjetà huma stmati li se jkunu ta’ miljuni kbar.
Il-ħaddiema tal-emerġenza jinsabu fuq il-post biex jippruvaw jikkontrollaw in-nirien u jassistu lill-komunitajiet affettwati, iżda l-kundizzjonijiet attwali qed jagħmlu l-isforzi tagħhom partikolarment diffiċli.
//= $special ?>