Lokali Qorti

Ordni ta’ probation wara li ammetta li hedded lill-eks sieħba

Raġel ta’ 42 sena minn Birżebbuġa tpoġġa taħt ordni ta’ probation u trattament wara li bagħat messaġġi ta’ theddid lill-eks sieħba tiegħu. Ir-raġel, kommoss u li fl-awla qabżitlu wkoll xi demgħa, ammetta għall-akkużi u staqsa lill-Maġistrat jekk jistax jibqa’ jara lil uliedu.

Il-Pulizija qalet lill-Maġistrat Astrid May Grima li l-eks mara tar-raġel, allegat li insulentaha u heddidha. Il-koppja kienu ilhom miżżewġin disa’ snin, għandhom żewgt itfal u għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni.

Il-vittma qalet lill-Pulizija li l-akkużat għandu l-vizzju tax-xorb u jheddidha ta’ spiss, speċjalment meta jkun fis-sakra u dan għaliex kellu suspett li kellha relazzjoni oħra. Qalet li fis-sigħat bikrin tal-għada tal-Milied, l-eks sieħeb tagħha beda jibgħatilha messaġġi ta’ theddid u meta ma wiġbitux mar quddiem d-dar tagħha u beda jgħajjat.

Meta fetħitlu l-bieb, beda jakkużaha li ġewwa kien hemm raġel ieħor. Meta kien mistoqsi fl-awla, x’se jwieġeb għall-akkużi migjubin kontrih, infaqa’ jibki, ammetta u staqsa jekk jistax jibqa’ jara lil uliedu. Il-Qorti poġġiet lill-akkużat taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin sabiex tgħinu jindirizza l-vizzju tax-xorb.

Il-Maġistrat Grima ħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma u infurmat lill-akkużat li jista’ jara lill-uliedu u jkellem lill-eks mara dwarhom.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef. Ghall-akkużat dehru l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit filwaqt li l-Avukat Lennox Vella deher għal parte civile.