Lokali

Robert Abela jinfexx f’attakk fuq il-PN flok jagħmel apoloġija

Flok jagħmel apoloġija għall-ħniżrijiet imwettqa minn nies fil-qalba tal-Partit Laburista fid-dawl tal-iskandlu tal-kumpanija 17 Black u l-Panama Papers, u l-korruzzjoni b’rabta mal-power station tal-Electrogas, Robert Abela dalgħodu nfexx jattakka lill-Partit Nazzjonalista u lill-Kap tiegħu, Bernard Grech. Apoloġija hija l-inqas ħaġa li għandu jagħmel Robert Abela fiċ-ċirkostanzi gravi li qegħdin ngħixu fil-governanza ta’ pajjiżna.

Bl-iktar mod sfaċċat Robert Abela qiegħed jirrifjuta li jiskuża ruħu f’isem il-Partit Laburista għall-aġir imwettaq mill-ogħla esponenti tal-Gvern Laburista li issa li ġiet konkluża l-Inkjesta Maġisterjali, se jiġu mixlija b’sensiela ta’ reati kriminali.

Il-lista ta’ dawn il-persuni tinkludi lil Keith Schembri – li kien Chief of Staff tal-predeċessur ta’ Robert Abela, Joseph Muscat, li miegħu Abela għamel patt imxajtan biex laħaq Prim Ministru; u Konrad Mizzi – li kien wieħed mill-ewwel nies li mar jgħannaq lil Robert Abela meta hu nħatar mexxej Laburista ħames snin ilu.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li Mizzi u Schembri kienu fost l-ogħla esponenti tal-Gvern Laburista u stqarrew huma stess li dejjem imxew skont l-istruzzjonijiet ta’ Joseph Muscat. Huma ssieħbu ma’ persuni fin-negozju fil-qalba tal-Labour bħal Yorgen Fenech, Paul Apap Bologna u Mario Pullicino biex iffrodaw lill-poplu Malti b’kuntratt ta’ €450 miljun.

Huwa skandaluż li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg qed tkompli tagħmilha ta’ forċina għal Robert Abela u l-Gvern tiegħu meta qed tibqa’ tirrifjuta li tippubblika l-Inkjesta b’mod sħiħ u saħanistra rrifjutat talba biex tgħaddi kopja tal-konklużjonijiet tal-Inkjesta lil min fetaħha.