Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed jistieden lill-illustraturi Maltin sabiex iressqu x-xogħol artistiku tagħhom bl-għan li jintwera fl-istand tagħna waqt il-London Book Fair 2025, li se jsir f’Kensington Olympia bejn il-11 u t-13 ta’ Marzu.
Bħala entità pubblika, il-KNK għandu rwol importanti fil-ħidma fost il-pubblikaturi, l-awturi, l-edituri, it-tradutturi u l-illustraturi. L-għan huwa li titrawwem passjoni għal-letteratura, sapport għal kull forma ta’ espressjoni letterarja, u servizzi essenzjali lill-industrija, inkluż promozzjoni internazzjonali.
Il-KNK ilu jaħdem favur l-illustraturi, b’rikonoxximent għall-irwol tagħhom fl-industrija li ta’ spiss jintnesa. Inizjattivi li saru diġà jinkludu t-tweżin tal-Annwal tal-MCOI għal ħames snin konsekuttivi, il-kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti għall-esebizzjoni From Illustration to Book, l-organizzazzjoni ta’ workshops immexxija minn illustraturi distinti u l-wiri ta’ xogħol minn illustraturi Maltin waqt fieri tal-kotba internazzjonali prestiġjużi bħal-London Book Fair.
L-illustraturi huma mistiedna jressqu proposti b’illustrazzjonijiet ippubblikati sabiex jiġu esebiti f’wirja ta’ xogħol artistiku fl-istand tal-KNK waqt il-London Book Fair 2025. Tmien illustrazzjonijiet biss se jiġu magħżula għall-wirja tal-illustraturi, iżda l-illustraturi kollha li se jressqu xogħolhom se jkunu qed jagħmlu parti mill-edizzjoni tal-2025 ta’ Literature from Malta, il-katalgu tad-drittijiet barranin tal-KNK li se jitqassam waqt fieri tal-kotba internazzjonali matul is-sena.
Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu sat-Tlieta, l-14 ta’ Jannar 2025.
//= $special ?>