Lokali

Titħabbar it-tielet edizzjoni tal-Caritas Run for Life

It-tielet edizzjoni tal-Caritas Run for Life, din is-sena se ssir fit-2 ta’ Marzu li ġej – ġirja jew mixja li tibda miċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif din il-ġirja tkun ta’ sodisfazzjon kbir għal dawk kollha li jkunu għelbu l-vizzju tagħhom; u għal bosta tkun qed isservi bħala bidu ta’ ħajja aktar attiva.

Dan apparti li twassal il-messaġġ fuq l-importanza li dawk il-persuni li jkunu għelbu l-vizzju tad-droga jingħataw it-tieni ċans hekk kif bosta persuni jsibuha diffiċli sabiex isibu xogħol wara li jkunu lestew programm.

F’kummenti ma’ Net News, id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt spejgalna l-għan wara din l-attività li issa saret parti wkoll mill-kalendarju sportiv.

Il-Caritas Run for Life tinkludi diversi distanzi kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal. U wieħed jista’ jipparteċipa f’ġirja ta’ 10km jew 5km. Dan filwaqt li t-tfal jistgħu jipparteċipaw f’ġirja ta’ kilometru jew 2.5km.

Apparti minn hekk, jekk wieħed ma jixtieqx jiġri, hemm ukoll mixja ta’ 4km.

Għal dawk li jipparteċipaw se tkun qed tingħata midalja kif ukoll flokk kommemorattiv u trofew għal dawk li jiġu mal-ewwel tlieta f’kull ġirja li se tkun qed issir.