Lokali

Wara li ż-żewġ Marokkini ilhom maħrubin ġimgħa l-Gvern baqa’ ma qalx kelma dwar il-ħarba

Wara ġimgħa, Foual el Sellah ta’ 26 sena, u Moħamed Lazaar ta’ 43 sena għadhom ma nstabux.

Dawn huma ż-żewġ Marokkini li flimkien ma’ tnejn oħra fl-ewwel tas-sena ħarbu bil-ġiri fuq ir-runway tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn ajruplan tat-Turkish Airlines wara li t-titjira tniżlet b’emerġenza hekk kif passiġġier qal li kien qed iħoss xi uġiegħ….b’dan tal-aħħar jiġi arrestat u deporatat ukoll lura lejn pajjiżu.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li dawn il-5 kienu fost grupp ta’ 20 persuna li kienu qed jiġu ddeportati lura lejn pajjiżhom mit-Turkija – iżda ħaġa tal-iskantament, f’sebat ijiem, minkejja din il-materja ta’ sigurtà nazzjonali ħadd mill-Gvern, wisq inqas il-Prim Minsitru Robert Abela u l-Ministru Byron Camilleri ma lissnu kelma waħda dwar din is-sitwazzjoni.

Għaldaqstant l-Erbgħa filgħodu Net News staqsihom dwar is-sitwazzjoni ,,,,b’Abela jfarfarha fuq il-Ministru Camilleri biex jitkellem dwarha – u bil-Ministru l-ewwel jinħeba wara l-istqarrija tal-Pulizija, u wara attakka lil Net News.

Net News insista għalfejn il-Gvern ma indirizzax din is-sitwazzjoni delikata li xxokkjat pajjiż sħiħ għall-mod kif ħarbu, bil-Ministru jisħaq li l-immigrazzjoni irregolari se tibqa’ ssir u li l-poplu għandu jiġġudikah fuq l-aħħar 5 snin.

Dan filwaqt li kompla jattakka lil Net News u farfarha fuq il-privat.

Madanakollu l-Ministru Byron Camilleri huwa ferm żbaljat hekk kif Net News mhux talli għamel id-domandi kemm lill-Pulizija, lill-Armata, u lill-Gvern – iżda saru domandi kemm lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u lil-linja tal-ajru Turkish Airlines. B’din tal-aħħar ma tweġibx.

Il-fatt jibqa’ li dawn iż-żewġ Marokkini għadhom maħrubin għaliex ħarbu bil-ġiri fil-mitjar – b’filmati juru proprju dan.

Intant lill-Minsitru Camilleri staqsejnih fuq is-sitwazzjoni fil-ħabs ta’ Kordin u jekk Net News jistax jidħol fil-Faċilità Korrettiva bil-cameras – bil-Ministru jisħaq li diġà kien hemm newsrooms oħrajn li għamlu dan – iżda ma riedx jgħid min.