Lokali Qorti

Żewġt irġiel akkużati li taw sustanzi lil diversi persuni u serqulhom mal-€50,000

Sirjan ta’ 24 sena u Libjan ta’ 30 sena baqgħu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati li taw sustanzi illeċti lil persuni f’Paceville sabiex jisirquhom. Għadu mhux magħruf x’tip ta’ sustanzi ngħataw il-vittmi, xi ħaġa li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha dwar dan.

L-akkużati huma Masab Kanan, residenti Santa Venera, u l-Libjan Mohamed Mustafa Abdalla Almagbri, residenti l-Ħamrun, li wieġbu mhux ħatja għal 23 akkuża miġjubin kontrihom. Abdalla nqabad mill-Pulizija San Ġiljan filwaqt li Kanan inqabad f’Ħal Qormi.

Dawn il-‘hold ups’ seħħew bejn it-23 ta’ Diċembru u t-3 ta’ Jannar li għadda fejn b’kollox huwa mifhum li nsterqu mill-inqas mal-€50,000 waqt li l-vittmi kienu jintilfu minn sensihom. Il-Pulizija qed tikkalkula li s’issa f’dan il-każ hemm 10 vittmi, bil-maġġoranza tagħhom ikunu barranin li jgħixu Malta. Hemm ukoll xi ftit Maltin vittmi ta’ ‘l hekk imsejjaħ racket li nsterqu għexieren ta’ eluf ta’ ewro mill-vittmi.

Net News huwa ifurmat li hemm aktar vittmi f’dan il-każ u li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha wara li fil-lukanda nstabu xi oġġetti li sa issa għad mhux magħruf ta’ min huma. Fost l-oġġetti kien hemm ukoll xi arloġġi fejn wieħed minnhom jiswa madwar €10,000 u mowbajl li jiswa’ €1,000.

Insterqu wkoll flus mir-revolut lil diversi vittmi u li dawn intefqu wkoll f’diversi postijiet fosthom ġewwa Paceville. Il-Prosekuzzjoni spjegat li fit-23 ta’ Diċembru li għadda, il-Pulizija rċeviet informazzjoni dwar serqa li seħħet fuq raġel li qal kif avviċinawh żewġ persuni lejn Pendergardens, f’Paceville.

Hu beda jkellimhom iżda f’ħin minnhom tah “blackout”, sab ruħu f’vann, reġa’ tah ħass ħażin u meta reġa’ qam, sab ruħu fil-Marsa fejn kien qed jiġi mkaxkar ‘il barra mill-vann u nsterqulu xi oġġetti li kellu fuqu. Il-vittma skopra li kellu aktar minn €2,200 misruqa li nġibdu mir-revolut tiegħu li ntbagħtu lil mara f’Għawdex.

Il-Pulizija bdiet tfittex liż-żewġt irġiel li laħqu marru Għawdex bil-mowbajl tal-vittma. Eventwalment, il-Pulizija rċeviet rapport simili ta’ vittma ieħor li nzerta l-istess żewġ persuni f’Paceville li offrewlu ‘drink’ qabel ma serquh.

It-tieni każ kien ferm simili għall-ewwel wieħed, bil-vittma jgħid li ma jiftakarx ħafna minn dak li ġralu għajr li nsteraq u tħalla b’idu f’idu f’Pembroke. Dan filwaqt li l-Pulizija skopriet b’aktar każi simili ta’ persuni li ngħataw xi sustanza u nsterqu minn dawn il-persuni.

Il-Pulizija fittxew il-kamra tal-lukanda li kienu qed jużaw l-akkużati u anke l-vettura tagħhom li fihom instabu bosta oġġetti misruqa. Id-difiża qalet li mhix se titlob għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Justine Brincat u Martina Calleja mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispetturi Lydon Micallef u Stephen Gulia. L-avukati Franco Debono u Adreana Zammit irrappreżentaw lil Almagbri. L-avukat Nicholas Mifsud deher għal Kanan. Il-Maġistrat Victor Axiak ippresieda l-każ.