Lokali

Żgħażagħ Maltin mistiedna jipparteċipaw fil-Benjamin Franklin Transatlantic Fellowship for Youths


L-Ambaxxata Amerikana qed tistieden żgħażagħ Maltin bejn l-etajiet ta’ 16 u 18 biex japplikaw għall-Benjamin Franklin Transatlantic Fellowship for Youths li se jsir fl-Istati Uniti fis-sajf tal-2025.

L-inizjattiva għandha l-isem tad-diplomatiku Benjamin Franklin u għandha l-ħsieb li tonora l-ħajja u l-karriera ta’ Franklin li huma ta’ ispirazzjoni għal dawk li qed jaħdmu biex isaħħu l-kooperazzjoni transatlantika. 

Din l-inizjattiva hija maħsuba biex trawwem relazzjonijiet fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar tal-Ewropa u tal-Istati Uniti sabiex isaħħu l-libertà globali, jibnu relazzjonijiet bejn żgħażagħ, u javvanzaw valuri komuni.  

Madwar 45 żgħażagħ Ewropej, inkluż parteċipant wieħed minn Malta, u 10 Amerikani se jieħdu sehem fi programm intensiv ta’ skambju għal xi erba’ ġimgħat fl-Istati Uniti.  Dan il-programm jiffoka fuq il-kwistjonijiet globali li żgħażagħ Ewropew u Amerikan jiffaċċjaw fuq iż-żewġ naħat tal-Oċean Atlantiku fis-seklu 21. 

Il-parteċipazzjoni ta’ persuna waħda minn Malta hija finanzjata kompletament mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan. 

Min hu interressat għandu jikkuntattja l-Ambaxxata Amerikana (vallettaprograms@state.gov) għal aktar informazzjoni.  In-nominazzjonijiet għandhom jaslu fl-Ambaxxata Amerikana sal-10 ta’ Frar, 2025.