Lokali Qorti

12-il xahar ħabs għal priġunier li ħebb għall-gwardjan u waddablu barmil bl-awrina

Priġunier ta’ 71 sena miż-Żurrieq ġie kkundannat 12-il xahar ħabs u €1,000 multa wara li nstab ħati li waddab barmil bl-awrina lejn gwardjan. Joseph Zahra nstab ħati li wettaq dan ir-reat fl-10 ta’ Ġunju 2018. Zahra, iżda, ma nstabx ħati li fl-istess jum u l-għada 11 ta’ Ġunju 2018, ħebb għal xi priġunieri.

Priġunier f’Diviżjoni 6 xehed li l-akkużat tah bil-bastun, girfu u waddablu tazza ilma waqt li l-akkużat xehed li dan il-priġunier ma riedx li jiekol ħdejh u ħdejn priġunieri oħra u qasam il-bastun li kellu. Gwardjan tal-ħabs xehed li mill-cameras ra lill-akkużat u lill-priġunier ieħor jiġġieldu, imma sostna li ma jafx min beda l-kommossjoni.

Gwardjan ieħor xehed li wara l-inċident Zahra ttieħed f’ċella oħra f’Diviżjoni 6 li kienet aktar bogħod minn dik tal-priġunier li miegħu kellu l-argument. Il-gwardjan li lejh l-akkużat xeħet barmil bl-awtrina, qal fil-Qorti li waqt li kien qed idaħħal lill-priġunier fiċ-ċella dan mhux biss waddablu l-barmil imma beda joffendih u jheddu.

Wara li sema’ x-xhieda, il-Maġistrat Leonard Caruana qal li l-akkużi li Zahra ħebb għal priġunieri oħra ma ġewx pruvati minħabba li ħadd mix-xhieda ma kien f’pożizzjoni li jgħid kif seħħet l-aggressjoni jew fejn.

Fl-istess waqt qal li dik li ħebb għal gwardjan tal-ħabs u tefa’ l-awrina ġiet ippruvata u kkundanna lil Zahra 12-il xahar ħabs u multa ta’ €1,000.