Somalu ta’ 22 sena li jgħix fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, fil-limiti ta’ Birżebbuġa, ġie kkundannat 18-il xahar ħabs u multa ta’ €2,000 wara li ammetta li kellu d-droga kokaina f’Paceville. Samir Muhamad Hussien ammetta li fil-15 ta’ Novembru li għadda kellu fil-pussess tiegħu u ttraffika d-droga kokaina kif ukoll li assoċja ruħu ma’ persuna oħra biex tiġi ttraffikata d-droga.
Hussein kien arrestat wara li Pulizija li kienet qed tagħmel ronda f’Paceville, u kienu nnutati żewġt irġiel jaġixxu b’mod suspettuż u jgħaddu xi ħaġa lil xulxin. Meta l-pulizija marru fuqhom sabu li wieħed kellu fil-pussess tiegħu qartas bi trab abjad, li kien kokaina, waqt li l-ieħor kellu €705 fi flus kontanti.
Minbarra l-flus kontanti nstabu wkoll żewġ mobile phones b’messaġġi maħsuba biex ibigħ ammonti ta’ ħaxixa u kokaina. Hussien kien tressaq fil-Qorti u fis-16 ta’ Novembru ammetta mill-ewwel bil-Maġistrat Monica Vella ddiferixxiet is-sentenza għal dan ix-xahar.
Qabel tat il-piena, hija kkunsidrat l-ammissjoni bikrija u l-fatt li r-reat seħħ f’dak li ddeskriviet bħala “l-mekka tad-divertiment li jiffrekwentaw iż-żgħażagħ”. Id-droga nstabet fuq l-allegat xerrej li huwa mil-Latvja u xehed fil-Qorti li kien l-akkużat li offrielu d-droga kokaina għal €80.
Qal li dak il-lejl, kien hemm ukoll xi ħaddieħor li offrielu d-droga u ppressat mid-difiża, qal li xtara d-droga mingħand xi ħadd li ma kienx jaf għax kien fis-sakra minħabba li kien ilu jixrob mis-7pm. Ix-xhud qal madankollu li xorta seta’ jagħraf lill-akkużat għax kienu għamlu tliet sigħat arrestati.
//= $special ?>