Mara ta’ 30 sena minn Bormla u residenti Ħaż-Żabbar, ġiet ikkundannata 28 sena ħabs wara li ammettiet flok għaddiet ġuri li f’Awwissu tal-2023 ippruvat toqtol sid ta’ ħanut tad-deheb fiż-Żurrieq. Hija kienet waħda mit-tliet persuni li ġew mixlija b’dan ir-reat b’rabta mal-attentat ta’ serq mill-ħanut tad-deheb “Carabott Jewellers”, li jinsab fi Triq Dun Ġużepp Żammit.
Donna Borg Sciberras, li hija magħrufa sew mal-Pulizija, u żewġt irġiel Marokkini, Zaouhair Hadoumi u Mohamed Anas Boualam, kienu tressqu fil-Qorti wara serqa, li seħħet fil-25 ta’ Awwissu 2023, meta sid il-ħanut – Joseph Carabott ta’ 67 sena – kien ġie aggredit b’mod vjolenti tant li sofra ġrieħi serji.
Il-konsegwenzi tax-xeba’ li kien qala’ wasslu lill-membri tal-familja tiegħu fil-Qorti jgħidu li l-kundizzjoni tiegħu, anke wara li għadda ż-żmien, hija agħar minn mejjet. Waqt il-kumpilazzjoni rriżulta li l-ġojjellier anzjan sa ftit qabel l-inċident, kien sportiv u attiv.
Huwa kien ġie msawwat b’mod selvaġġ waqt hold-up u għamel żmien twil l-isptar fejn ma seta’ jikkomunika, ma’ ħadd. Joseph Carabott kien instab b’idejh marbutin u wiċċu ‘l isfel mal-art tal-ħanut tiegħu taż-Żurrieq wara li kien imsawwat u misruq minn gang ta’ tliet persuni.
Sciberras iddeċidiet li tammetti għall-akkużi miġjuba kontriha fil-Qorti Kriminali wara qbil bejn id-difiża u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li qablu mal-piena. L-Imħallef Neville Camilleri laqa’ t-talba u minbarra li kkundannaha 28 sena ħabs, ordna l-konfiska ta’ €250 f’depożitu u €10,000 f’garanzija personali li fuqhom kienet ingħatat il-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor.
Huwa ordnalha wkoll tħallas terz tal-ispejjeż tal-esperti, biex b’kollox Sciberras trid tħallas €12,979, kif ukoll ħareġ ordni ta’ protezzjoni għal ħames snin favur Carabott u ordnalha tagħtih €8,000 tal-ġrieħi li kkaġunatlu.
Espert mediko-legali kien tkellem fil-Qorti dwar Carabott meta xehed fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra t-tliet akkużati akkużat b’attentat ta’ qtil, ġrieħi gravi, li żammew lill-vittma kontra l-volontà tiegħu, u ta’ serq aggravat.
Mario Scerri qal li Carabott sofra ġrieħi gravi f’rasu riżultat ta’ swat li tant kien qawwi li l-vittma ma setgħetx tikkomunika. Huwa kien qatta’ żmien fil-kura intensiva u aktar tard ġie mċaqlaq f’sala iżda meta ċċekkjah ftit jiem ilu biss, “Carabott ma kellu ebda sens ta’ x’qed jiġri madwaru. Ma jaf xejn. La jaf fejn hu. Ma jaf xejn.” kien spjega Scerri.
Mistoqsi dwar iċ-ċansijiet li l-vittma jirkupra tant li jkun jista’ jixhed, l-espert qal li probabbilment Carabott ma jkunx jista’ jikkomunika. “Xi drabi jirkupraw. Iżda dan huwa każ rari ħafna. Il-pronjosi hija ħażina.” Iben il-vittma kien f’seduta preċedenti, iddeskriva kif fil-25 ta’ Awwissu filgħaxija, kien mar il-ħanut wara li missieru, li s-soltu jkun puntwali ħafna, naqas li jmur id-dar wara l-ħin normali tal-għeluq. Meta sab ix-shutter imniżżel, ħares u ra lil missieru marbut mal-art.
Fl-aħħar kiseb aċċess għall-ħanut billi kisser tieqa tal-ġenb u ġera lejn missieru li kien mimdud mitluf minn sensih, wiċċu miksi bid-demm. Il-vetrini tal-ħwienet tfarrku u kien hemm sinjali ta’ serq. L-Ispettur tal-Pulizija Shaun Pawney ippreżenta lill-Qorti rapport viżiv li jikkonsisti f’diversi ritratti miġbura f’ordni kronoloġika, li ħolqot skeda tal-ħin tal-avvenimenti bbażata fuq filmati tas-CCTV marbuta max-xena tad-delitt u informazzjoni miġbura minn terzi persuni.
Filmati tas-CCTV minn residenza biswit il-ħanut ta’ Carabott irriżultaw utli u nġabru filmati oħra minn żewġ ħwienet kummerċjali, inkluż wieħed fi Vjal Blue Grotto li wera lit-tliet suspettati jitilqu f’taxi. It-tlieta kienu wkoll marru b’taxi oħra lejn iż-Żurrieq dakinhar filgħaxija.
Is-sewwieq tat-taxi, meta nstab, ikkonferma l-prenotazzjoni u ta wkoll filmati tal-Pulizija mid-‘dash cam’ tiegħu li juru biċ-ċar it-tliet suspettati. Huma ħarġu mill-karozza xi 50 jew 60 metru ‘l bogħod mill-ħanut tal-ġojjelliera, lebsin ħwejjeġ tas-sajf waqt li kienu għaddejjin minn Triq Carmelo Caruana b’mod parallel ma’ Triq Stiefnu Zerafa.
Imbagħad f’daqqa waħda, libsu hoodies hekk kif sejrin lejn il-ħanut ftit qabel is-7pm. Boualam kien qed iġorr borża li taqbel ma’ waħda misjuba aktar tard fil-propjetà ta’ Tas-Sliema fejn ġew arrestati s-suspettati.
Borg Sciberras daħlet l-ewwel fil-ħanut, segwita minn Hadoumi, filwaqt li Anas stenna barra. Il-movimenti tagħhom kienu kkonfermati minn xhud li wara tkellem mal-pulizija. Imbagħad wara li l-mara ħarġet barra għal ftit żmien u reġgħet daħlet, Anas segwa u ġibed ix-shutter warajh.
Għaddew aktar minn 20 minuta qabel mat-tlieta ħarġu mill-ħanut. Peress li ma kienx hemm cameras ġewwa, dak li ġara ġewwa l-ħanut seta’ jitkejjel biss permezz ta’ stqarrijiet li sussegwentement saru mill-akkużat lill-pulizija, spjega Pawney.
“Ħadd minnhom ma ċaħad il-preżenza tiegħu ġewwa,” qal l-ispettur, u żied li l-unika diverġenza kienet dwar min ta d-daqqiet lil sid il-ħanut u d-dubju li baqa’ dwar jekk it-tlieta għamlux. Filwaqt li Anas u Borg Sciberras ippuntaw lejn Hadoumi, Hadoumi ippunta lejn Anas, qal ix-xhud.
Wara s-serqa vjolenti, is-suspettati ħarġu mill-ħanut ġibdu x-xhutter u marru lejn Vjal Blue Grotto fejn telqu f’taxi. Ħadd ma daħal fil-ħanut minn meta l-akkużati telqu sakemm iben is-sid wasal fuq il-post.
Il-bieb kien b’xi mod imsakkar u nfetaħ meta ssejħu l-uffiċjali tal-protezzjoni ċivili. Ir-rapport viżwali kien jinkludi ritratti tal-vittma waqt li kien mitluf minn sensih mal-art u l-aħħar immaġni tal-ambulanza sejra l-isptar.
L-avukati tal-AG Anthony Vella u Kaylie Bonett, flimkien mal-Ispetturi Shaun Pawney, Lydon Zammit, Jonathan Cassar u Stephen Gulia mennew il-prosekuzzjoni. L-avukati Mark Mifsud Cutajar, Brandon Muscat u Maria Karlsson huma avukati tal-għajnuna legali. L-Avukat Stephen Tonna Lowell deher parte civile.
//= $special ?>