L-Arċisqof Charles Scicluna żar il-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta fejn bħalissa qed isir xogħol estensiv ta’ restawr u konservazzjoni.
Waqt iż-żjara, l-Arċisqof irringrazzja lil kull min ta jew qed jagħti sehmu sabiex dan il-patrimonju jkompli jkun ta’ servizz għas-soċjetà u jgħin fit-tfittix tal-verità u dak li hu sabiħ. Hu semma wkoll kif permezz ta’ dan il-proġett ta’ konservazzjoni, bosta entitajiet u kumpaniji ngħaqdu għal għan wieħed.
F’dawn l-aħħar erba’ snin saru diversi xogħlijiet ta’ konservazzjoni fosthom fuq il-faċċati tal-knisja, is-sagristija u fiż-żewġ oratorji. Dan ix-xogħol jinkludi rijabilitazzjoni strutturali, tindif ta’ ħitan u soqfa storiċi, restawr tal-ġebla, skulturi u soqfa rari tal-injam. Ġew restawrati wkoll l-art tal-irħam, l-artali u t-travi tal-injam.
Il‑Knisja taċ‑Ċirkonċiżjoni tal‑Mulej, magħrufa bħala l‑Knisja tal‑Ġiżwiti, hija waħda mill‑eqdem knejjes fil‑Belt Valletta, u waħda mill‑akbar fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Il‑Knisja kienet oriġinarjament inbniet bejn l‑1593 u l‑1609 mill‑Ordni tal‑Ġiżwiti. Il‑Knisja tinkludi xogħlijiet ta’ arti ta’ Mattia Preti, Giovanni Battista Caracciolo, Stefano Erardi u Alessio Erardi fost oħrajn, u l‑artal titulari huwa magħmul minn Filippo Paladini. Il‑kumpless jinkludi żewġ oratorji, wieħed magħruf bħala l‑Onorati u l‑ieħor bħala l‑Immakulata.
Hu kien akkumpanjat minn Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, u Rev. Nicholas Doublet, il-President tal-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti.
//= $special ?>