Sport

Birkirkara St. Joseph Sports Club se jwaqqaf il-ħidma tiegħu

Wara kważi 50 sena ta’ kontribuzzjonijiet lejn il-komunità tal-isport f’Malta, Birkirkara St. Joseph Sports Club ħabbar li se jwaqqaf l-operazzjonijiet tiegħu.

Il-Club kien entita apprezzat fix-xena tal-isport lokali, fejn organizza avvenimenti multisport popolari, fejn membri pparteċipaw f’avvenimenti lokali u internazzjonali fejn il-klabb għen fl-iżvilupp ta’ bosta atleti. Matul l-istorja twila tiegħu, il-Club kien pijunier fl-għawm fil-baħar miftuħ f’Malta u organizza attivitrajiet tat-triathlon għal żmien twil, inklużi kampjonati nazzjonali u avvenimenti ta’ kwalifikazzjoni għal kompetizzjonijiet internazzjonali.

Madankollu, bidliet fl-ambitu sportiv u żieda fir-rekwiżiti amministrattivi għamluha dejjem aktar diffiċli biex jinżammu l-istandards għolja fl-operat tal-Club, ħaġa li dejjem stinka għalihom il-Club.

Il-President Raymond Grech innota li, filwaqt li governanza tajba hija essenzjali, it-talbiet burokratiċi li qed jiżdiedu fuq organizzazzjonijiet volontarji żiedu l-piż fuq ir-riżorsi tal-Club. Barra minn hekk, l-espansjoni tal-kalendarju ta’ avvenimenti sportivi, kemm f’Malta kif ukoll barra pajjiżna, ikkontribwiet għal kompetizzjoni akbar għal parteċipazzjoni u appoġġ lejn dawn l-avvenimenti. Wieħed irid jiftakar li l-fergħa organizzattiva tal-Club, amministrat medja ta’ għoxrin avveniment annwali matul l-aħħar 25 sena.

Il-Club iħares lura lejn il-kisbiet tiegħu u s-sens ta’ komunità li bena u kkultiva matul is-snin b’mod kburi.

Il-President Grech irringrazzja lill-federazzjonijiet nazzjonali relatati, entitajiet governattivi, sponsors, voluntiera, membri tal-kumitat, atleti, u sostenituri li kienu parti mill-vjaġġ twil tal-Club li dam 50 sena.