Futbol Sport

Graham Potter maħtur kowċ ġdid ta’ West Ham

(Ritratt: EPA)

Wara li fl-aħħar ġranet West Ham United ikkonfermaw li Julen Lopetegui mhux se jibqa’ jokkupa l-kariga tal-kowċ prinċipali tat-tim, waslet ukoll il-konferma tal-eks kowċ ta’ Brighton u Chelsea Graham Potter bħala l-kowċ il-ġdid.

Julen Lopetegui tkeċċa mill-kariga l-Erbgħa li għadda, hekk kif akkumula biss 23 punt wara 20 partita, bil-Hammers jinsabu fl-14-il post fil-klassifika. Dan huwa meqjus diżappunt kbir wara investiment ta’ €147 miljun matul is-sajf, bl-għan li West Ham ikomplu jissieltu għall-post fl-Ewropa bħalma għamlu għal dawn l-aħħar snin taħt it-tmexxija ta’ David Moyes.

Potter ġie maħtur kowċ ġdid il-Ħamis, hekk kif l-Ingliż iffirma kuntratt ta’ sentejn u nofs. Fl-intervista ewlenija huwa stqarr li jinsab kuntent li ġietu din l-opportunità, u jħoss li din il-kariga hija dik li kien qed jistenna għalija.

Potter ilu mingħajr klabb minn April 2023, meta kien imkeċċi minn Chelsea wara li rnexxielu jikseb biss persentaġġ diżappuntanti ta’ 38.7% ta’ partiti mirbuħa. Madankollu, qabel id-diffikultà li sab mal-Blues, huwa rnexxielu jmexxi lil Brighton biex it-tim jispiċċa fid-9 post fis-sena 2021-22, post rispetabbli ħafna għas-Seagulls.