Internazzjonali

Ħamsa mejta f’nirien devastanti li ħakem Los Angeles

Ħames persuni mejta. Eluf evakwati. Djar meqruda totalment. Nirien devastanti.

Dan huwa dak li qed jesperjenzaw iċ-ċittadini ta’ Los Angeles, hekk kif nirien qed jaħkmu diversi zoni ta’ din il-belt famuża fl-Istati Uniti – b’nirien kompletament bla kontroll.

Hollywood Hills huwa wieħed mill-aħħar li ntlaqat minn nirien li qed jhedded djar lussużi ta’ bosta ċelebritajiet u qed iġiegħel eluf oħra jevakwaw minn djarhom.

Sa issa jidher li huma ħamsa l-persuni li sfaw mejta, b’aktar minn 137,000 residenti ġew evakwati, f’dak li qed jitqies bħala l-agħar nirien fl-istorja ta’ Los Angeles.

Diversi pumpiera qed jaffaċċjaw sfidi kbar fit-tifi tan-nirien minħabba nuqqas ta’ ilma, tant li qed jirrikorru għall-użu ta’ ilma minn għadajjar u pixxini privati.

Intant, is-Sindku ta’ Los Angeles, Karen Bass, qed taffaċċja kritika qawwija minħabba qtugħ ta’ 17-il miljun dollaru mill-baġit tad-dipartiment tat-tifi tan-nar is-sajf li għadda.