Lokali

“Il-Gvern jinjora s-soluzzjonijiet imressqa mis-settur privat għall-problema tat-traffiku bl-użu tal-AI li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies” – PN

Ritratt: Catriel Farrugia
Wara ħafna laqgħat, esperti li ressqu proġett quddiem il-Gvern Malti jiddeċiedu li jmorru bil-proġett tagħhom f’pajjiż ieħor

Ftit tal-ġimgħat ilu l-Gvern ħabbar pjan nazzjonali biex jiġi indirizzat it-traffiku u ħarġu għall-konsultazzjoni.

Dakinhar, il-Ministru Chris Bonett qalilna li waħda mill-affarijiet li qed iħarsu lejhom hija li l-pubbliku stess joħroġ b’ideat innovattivi, u teknoloġiċi, biex tiġi indirizzata l-problema tal-konġestjoni u l-immaniġġjar tat-traffiku f’pajjiżna.

Semma wkoll li wieħed mill-proġetti tal-Gvern huwa l-Intelligent Traffic Management System, li ’l quddiem tagħmel użu wkoll mill-Intelliġenza Artifiċjali (AI), u suppost kellha tgħin biex jiġi kkontrollat it-traffiku, u f’ċertu każi anke antiċipat u evitat.

Għalhekk huwa tal-iskantament kif idea li ħarġet proprju minn pajjiżna, minn investituri u riċerkaturi Maltin, li tuża t-teknoloġija u l-Intelliġenza Artifiċjali biex tanalizza t-traffiku u tippjana r-rotot, mhijiex issib l-appoġġ mill-Gvern u l-Awtoritajiet Maltin, kif ħareġ f’artiklu fil-ġurnal Times of Malta l-ġimgħa l-oħra.

Tant hu hekk li din it-teknoloġija se tkun użata l-ewwel fil-Maċedonja ta’ Fuq, u mhux f’pajjiżna.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Junction ta’ Paceville – fejn ukoll suppost kellu jsir proġett b’sistema ta’ intelligent lighting li minkejja li għaddew tmien snin, qatt ma mmaterjalizzat – ix-Shadow Minister għat-Trasport Mark Anthony Sammut u x-Shadow Minister għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Ryan Callus qalu li dan il-Gvern tant għejja u tant hu mifni bi problemi interni li ma jistax jiffoka fuq l-isfidi li qed jiffaċċja l-poplu.

Mhux talli ftit li xejn sar biex tiġi indirizzata din il-problema f’dawn l-għaxar snin, imma talli l-Gvern Laburista lanqas huwa kapaċi jikkopera biex ideat innovattivi u li jħarsu ’l quddiem, li twieldu f’pajjiżna, jiftħilhom il-bibien biex pajjiżna jkun minn tal-ewwel li jimplimentahom. Bil-konsegwenza li dawn qed jinħatfu minn pajjiżi oħra minħabba li mhux qed isibu l-appoġġ tal-Gvern.

Il-kelliema tkellmu dwar dak li qalu l-Professur tal-AI Alexiei Dingli u l-imprenditur u investitur Mark Bajada li aktar kmieni din il-ġimgħa lmentaw li minkejja li saru ħafna laqgħat, ma sabux l-appoġġ tal-Gvern biex il-proġett Digital Traffic Brain jiġi implimentat f’pajjiżna, biex issa din it-teknoloġija se tiżżanżan f’pajjiż ieħor minflok.

Dan il-proġett ta’ €1.3 miljun seta’ jgħin biex tittaffa l-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq b’sistema li tipprovdi ppjanar aħjar ta’ rotot u talertja lill-awtoritajiet konċernati dwar inċidenti u problemi fin-netwerk tat-toroq Maltin.

Ix-Shadow Ministers spjegaw li l-mod kif aġixxa l-Gvern f’dan il-każ huwa sintomu tal-apatija tal-Gvern Laburista fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni u n-nuqqas ta’ ħeġġa biex jinstabu soluzzjonijiet li jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Huma fakkru kif fil-European Innovation Scoreboard tal-Kummissjoni Ewropea dwar Malta għall-2024, kien enfasizzat in-nuqqas ta’ appoġġ dirett u indirett mill-Gvern għal proġetti fil-qasam tal-Business R&D u anke n-nefqa baxxa f’termini ta’ R&D mis-settur pubbliku.

L-investiment tal-Gvern f’Malta fil-qasam tal-innovazzjoni huwa fqir ħafna meta mqabbel ma’ Stati oħra tal-Unjoni Ewropea, bl-aħħar ċifri juru li n-nefqa fuq il-qasam importanti tal-R&D hija fost l-iktar baxxi fl-Unjoni Ewropea kemm fis-settur pubbliku (18% tal-medja tal-UE fl-2024) u anke fis-settur tan-negozju (29% tal-medja Ewropea s-sena li għaddiet).

L-istess studju juri li anke l-appoġġ dirett u indirett mill-Gvern lill-Business R&D – bħal pereżempju fejn għandu x’jaqsam mal-inċentivi tat-taxxa favur intrapriżi li jidħlu għal proġetti ta’ innovazzjoni – huwa fost l-inqas fl-UE, u bħalissa jinsab fil-livell ta’ 1.6% biss tal-medja tal-UE. L-investiment fqir f’dan is-settur ma jirriflettix it-tkabbir ekonomiku li kellha Malta s-sena l-oħra.

Filwaqt li dan it-tip ta’ investiment mill-Gvern u mis-settur pubbliku kien qed jonqos b’mod konsistenti fl-aħħar snin, min-naħa l-oħra kienet osservata żieda fis-settur privat. Mill-2017 sal-lum, fil-fatt, dan żdied b’aktar minn 10 punti perċentwali.

Din id-deċiżjoni tal-Gvern li jabbanduna dan il-proġett ta’ riċerka fl-immaniġġjar tat-traffiku tikkonferma dak li qalet il-Kummissjoni Ewropea: il-Gvern Malti m’għandux fiduċja fil-kapaċitajiet innovattivi u ta’ riċerka li kapaċi toħroġ l-industrija privata.

Għall-kuntrarju, Gvern ġdid Nazzjonalista se jservi ta’ mutur għal teknoloġiji ġodda li jwasslu għal titjib fil-livell tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin, kif inhuma proġetti bħal dawn li jindirizzaw waħda mill-akbar problema li għandu l-pajjiż illum – il-problema tat-traffiku.