Lokali Qorti

Joseph Muscat jerġa’ jitfa’ dubji dwar il-leġittimità tal-inkjesta maġisterjali, jerġa’ jattakka lill-Maġistrat u lill-esperti

Joseph Muscat għal darba oħra tefa’ dubji dwar il-leġittimità tal-inkjesta maġisterjali dwar il-ftehim ta’ konċessjoni tal-isptarijiet, u qal li l-konklużjonijiet kienu “manipulati” minn leaks fil-midja. Huwa reġa’ attakka lill-Maġistrat Gabriella Vella u lill-esperti tal-inkjesta.

L-eks Prim Ministru kien qed jixhed bħala parti minn każ ta’ ksur ta’ drittijiet li ressaq fil-qorti kostituzzjonali dwar l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella. F’waqtiet minnhom Joseph Muscat pprova ssikket lill-Avukat tal-Istat billi wissieh li kien qed jitkellem ma’ eks Prim Ministru.

Quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti xehed l-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar dik li sejjaħ nuqqas ta’ ġustizzja li saret miegħu u mal-familjari tiegħu. Spjega li d-deċiżjoni b’rabta mal-public private partnership dwar il-koncessjoni tat-tlett sptarijiet ttieħdet wara l-bżonn ta’ immodernizzar fis-sistema tal-immaniġjar u l-istruttura tal-isptarijiet, fuq pariri professjonali ta’ esperti u l-avukati minn Ganado Associates.

Preċedentement, qorti kostituzzjonali ppreseduta l-Imħallef Doreen Clarke kienet ċaħdet it-talba ta’ Muscat biex tissospendi l-maġistrat. Waqt ix-xhieda tiegħu, Muscat iddeskriva l-inkjesta maġisterjali ta’ €11-il miljun bħala nieqsa minn biżżejjed analiżi u evidenza.

Huwa sostna li nkisru d-drittijiet tiegħu peress li ma ngħatax l-opportunità li jixhed fl-inkjesta. “Issa qed ningħata t-titlu bħala “kap ta’ organizzazzjoni kriminali,” qal Muscat, minkejja li qatt ma ngħata l-opportunità li jgħid tiegħu.

Muscat innota li l-Maġistrat Vella kienet infurmat lill-pulizija biex taġixxi taħt id-direzzjoni tagħha. Huwa qal li dan il-pass mhu xejn għajr “skizofrenija” kompluta. L-Avukat James Agostino f’isem l-avukat tal-Istat hawn pront qam minn postu u joġġezzjona għad-dikjarazzjonijiet ta’ Muscat.

“Ħalli nfakkrek li qed titkellem ma’ eks Prim Ministru,” wieġeb Muscat. Muscat sostna li l-leaks fil-midja għawwġu d-direzzjoni tal-inkjesta maġisterjali. Qal li l-leaks kienu “kummentarju dirett” ta’ dak li kienu qed jgħidu l-esperti fir-rapport tal-inkjesta.

Qal li waqt li l-esperti kienu qed jiktbu argumenti, dawn l-argumenti spiċċaw jiġu ppubblikati fil-midja u kkwotati li ġejjin minn sorsi. Min-naħa tiegħu, Muscat qal li dawn il-media leaks imbagħad issemmew fl-inkjesta u “l-esperti jirreferu għaliha bħala parti mir-raġunament tagħhom.”

“Kif ma jkollokx dubji, dubji raġonevoli, dwar dan kollu?” staqsa Muscat. Muscat iddeskriva wkoll it-tfittxija tal-pulizija fid-dar tiegħu, li suppost kellha tkun privata, bħala xi ħaġa “teatrali”.

Jitfa’ d-dubji fuq l-esperti
Matul ix-xhieda tiegħu Muscat ipprova jitfa’ dubji, u ssuġġerixxi li l-maġistrat kienet preġudikata u l-esperti assenjati għall-każ kienu illeġittimi. Muscat semma kif fl-2019, Aldo Vella, missier il-Maġistrat Gabriella Vella, kien qasam post tad-Deputat tal-PN Karol Aquilina li kien qed jippromwovi protesta kontra l-korruzzjoni b’poster li kien jinkludi wiċċ Muscat flimkien ma’ dak taċ-chief of staff tiegħu Keith Schembri u l-eks ministru Konrad. Mizzi.

Żied jgħid kif ħu l-maġistrat, Massimo Vella, kien poġġa ftit kummenti li jikkritika lill-gvern wara li l-qorti annullat il-ftehim tal-isptarijiet. Qal ukoll kif l-accountant forensika Miroslava Milenovic, li ħadmet fuq l-inkjesta, ma kisbitx warrant bħala accountant.

Espert ieħor ta’ inkjesta, Samuel Sittlington, offra lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta ftehim ta’ konsulenza “li jiswa qrib €1 miljun” waqt li kien qed jaħdem fuq inkjesta maġisterjali tal-Vitals, qal Muscat fil-Qorti. Irrimarka wkoll li Frank Anthony Tabone, eks pulizija li kien involut fl-inkjesta, issa huwa kandidat għall-Partit Nazzjonalista.

Fi tmiem is-seduta, l-avukat ta’ Dr Muscat staqsew dwar l-effett li ħalliet fuqu l-inkjesta. Wieġeb li ġew iffriżati l-assi tiegħu u sarlu dannu kbir fuq ir-reputazzjoni tiegħu, speċjalment mil-latt internazzjonali. Qal ukoll li sar dannu psikoloġiku fuq familtu, b’mod partikolari ma’ missieru għaliex baqa’ jinkwieta sa mewtu.  

Ikkonfklu illi fil-fehma tiegħu, l-inkjesta ngħalqet bl-għaġla biex jipprevenu l-imsemmija għajdut li ser noħrog għal elezzjonjiet tal-parlament ewropew, filwaqt li qasam tħassib ieħor li qam fl-inkjesta, dwar iż-żjarat li għamel meta kien Prim Ministru. Qal li kien hemm kollox ddokumentat dwar dawn inkluż fejn mar u ma’ min iltaqa, iżda qal li l-esperti preferew jogħqodu fuq ix-xhieda ta’ persuna indjana, jirreferi għal Ram Tumuluri.