Lokali Qorti

Keith Schembri kellu aċċess għal email kunfidenzjali tal-Pulizija

Keith Schembri kien fil-pussess ta’ email kunfidenzjali tal-Pulizija, qalet il-prosekuzzjoni fil-Qorti l-Ħamis waqt proċeduri kriminali kontra l-Eks Chief of-Staff. Schembri qed jiġi mixli b’ġuramanent falz jew kif jissejjaħ skont il-liġi, sperġur, u li kiser l-Att dwar is-Sigrieti Uffiċjali.

Din kienet emejl tal-Pulizija mibgħuta lill-Kummissarju tal-Pulizija u rappreżentant fl-Ambaxxata Maltija f’Ruma, li spiċċat fil-pussess ta’ Keith Schembri, u mgħoddija lil Yorgen Fenech. L-email kien fiha informazzjoni dwar l-arrest ta’ żewġ irġiel Maltin fi Sqallija

L-akkużi jsegwu ħames snin ta’ investigazzjoni bil-każ jingħata d-dawl meta Yorgen Fenech, kien akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017, fejn ingħad li Schembri kien ingħata informazzjoni dwar l-investigazzjoni.

Dak iż-żmien, Schembri kien iċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat. Il-każ kompla quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li l-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil irrikużat ruħha x-xahar li għadda. Il-prosekuzzjoni ppreżentat evidenza li turi li Schembri kellu aċċess għal email kunfidenzjali tal-Pulizija interna dwar żewġ persuni Maltin li ġew arrestati bi żball fi Sqallija.

Waqt li kien qed jixhed, l-Ispettur Brian Paul Camilleri qal li chats fuq WhatsApp bejn Schembri u Fenech urew każ fejn Fenech kien qed jistaqsi dwar investigazzjoni tal-Interpol, u Schembri wieġeb li “nstabet soluzzjoni”.

Il-każ li rreferew għalih kien dwar żewġ persuni Maltin – Michael Bonello u Paul Anthony Sammut – li ġew arrestati bi żball mill-Pulizija Taljana minħabba taħwid fuq l-isem ta’ kumpanija. Yorgen Fenech inzerta kien ħabib taż-żewġ persuni li ġew arrestati, għalhekk talab lil Schembri għal aktar informazzjoni dwar dan il-każ.

L-avukati difensuri tefgħu dubji dwar dawn il-provi, billi rrimarkaw kif dan il-każ ma kellu xejn x’jaqsam mal-mewt ta’ Caruana Galizia. Il-prosekuzzjoni sostniet li għalkemm il-kontenut ta’ din l-email ma kellux x’jaqsam mal-qtil ta’ Caruana Galizia, Schembri qatt ma kellu jkun fil-pussess tal-informazzjoni fl-email.

L-Ispettur tal-FCID Brian Paul Camilleri ppreżenta kopja tal-istqarrijiet dwar il-kontenut taċ-chats fuq WhatsApp u komunikazzjonijiet oħra bejn Schembri u Yorgen Fenech. Dwar stqarrija li ttieħdet minn Schembri fil-11 ta’ Novembru 2020, Camilleri ġie mistoqsi mid-Difiża jekk ivverifikax li l-Pulizija diġà kienet ħadet xi stqarrijiet minn Schembri qabel din id-data. Hu wieġeb li ma ħassx il-bżonn li jieħu dan il-pass.

L-Ispettur stqarr li xogħlu kien marbut ma’ dawn il-komunikazzjonijiet. F’email minnhom, Schembri rrefera għall-arrest fl-2019 tal-imprenditur Michael Bonello u Paul Anthony Sammut fi Sqallija. Id-Difiża stqarret li eventwalment ġie konfermat li dan kien każ ta’ “identità żbaljata”.

Dan il-każ qatt ma ġie rrappurtat fil-midja Maltija iżda ġie rrappurtat mill-midja Taljana u saħansitra konfermat minn Bonello f’intervista li għamel fl-aħħar snin. Irriżulta li Bonello u Sammut kienu s-sidien tal-kumpanija b’isem li jixbaħ waħda mfitxijja mill-Pulizija. L-Ispettur sostna li dan l-arrest ma kienx relevanti għal xogħlu.

Wara Camilleri, xehed is-Supretendent Chris Galea Scannura dwar dan l-arrest fi Sqallija li eventwalment instabet li kien każ ta’ identità żbaljata. “Jien kont mingħalija li dan il-każ m’għandux x’jaqsam mal-każ quddiemna”, irrimarkat il-Maġistrat, bid-Difiża tilmenta l-istess.

Il-Prosekuzzjoni qalet li waħda mill-akkużi li qed jaffaċċja Schembri hija ta’ kxif ta’ informazzjoni sensittiva, “seta’ kixef informazzjoni dwar xi ħadd li seraq mill-monti!”. L-avukat Jason Azzopardi staqsa jekk il-komunika li bagħat Galea Scannura dwar dan l-arrest intbagħtitx lil ċittadini oħra, bis-Supretendent iwieġeb fin-negattiv.

F’digriet, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit laqgħet it-talba tal-familja Caruana Galizia biex l-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia jidħlu fil-kawża bħala parte civile tal-qraba ta’ Caruana Galizia.

Id-Difiża talbet biex tingħata mill-Prosekuzzjoni l-evidenza kollha li għandha kontra Schembri u li ma tistax taċċetta sitwazzjoni li l-Pulizija tagħti biss l-informazzjoni “li tixtieq hi”. Hi saħqet li ma tistax tispiċċa f’sitwazzjoni li ma tkunx tista’ tagħmel il-kontroeżami ta’ xhud għaliex ma tafx x’informazzjoni għandha f’idejha l-Prosekuzzjoni.

Il-Prosekuzzjoni rribattiet li tat l-informazzjoni kollha li tista’, bid-Difiża tisħaq li ma ngħatatx stqarrija li ta Yorgen Fenech u persuni oħra. Id-Difiża qalet li l-FCID għandha stqarrijiet kruċjali li ma ġewx preżentati u mhumiex marbuta mal-inkjesta li saret dwar il-każ. “Li kien hemm, tajniehom”, sostniet il-Prosekuzzjoni.

Fuq dan il-punt, xehed l-Ispettur Shaun Friggieri f’isem il-Prosekuzzjoni, li qal li m’għandux il-lista kompluta tal-persuni li xehdu imma jiftakar li hemm stqarrijiet jew dikjarazzjonijiet ta’ Yorgen Fenech, Melvin Theuma, uffiċjali varji tal-Pulizija, is-segretarja ta’ Schembri, fost persuni oħra.

Friggieri qal li l-Prosekuzzjoni trid aktar ħin biex tifformola r-risposta tagħha għat-talba tad-Difiża. Eventwalment, xehdet id-deputat reġistratur Marbeck Spiteri li ppreżentat xhieda ta’ Schembri quddiem l-Imħallef Wenzu Mintoff fl-2018.

Wara, kien se jixhed Kenneth Camilleri, li kien parti mit-tim tas-sigurtà ta’ Joseph Muscat u ssemma f’xhieda li ta Melvin Theuma fl-2019. Madanakollu, hu ntalab jixhed ġurnata oħra.

Il-każ se jkompli fil-31 ta’ Jannar.