Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qalet lill-President tal-Eġittu Abdel Fatah El-Sisi, li l-Ewropa lesta tagħti s-sehem tagħha fil-promozzjoni tad-djalogu u l-paċi fir-reġjun u tindirizza sfidi komuni fil-Mediterran.
Waqt laqgħa fil-Palazz Presidenzjali tal-Eġittu, fil-Kajr, il-President Metsola qalet li l-UE u l-Eġittu huma msieħba mill-qrib, marbuta mill-istorja u l-ġeografija.
Il-President Metsola qalet li ż-żjara tagħha qed issir fi żmien sensittiv ħafna f’reġjun, li hu milqut serjament minn gwerer u kunflitti. Kompliet li waqt il-laqgħat mal-awtoritajiet tal-pajjiż, saħqet li l-Unjoni Ewropea u l-Eġittu se jkomplu jaħdmu flimkien biex jippromwovu l-istabbiltà, il-prosperità u l-paċi fir-reġjun.
Il-President Metsola qalet li l-Parlament Ewropew jirrikonoxxi r-rwol kostruttiv tal-Eġittu f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida fir-reġjun kollu u faħħret l-isforzi diplomatiċi tal-Eġittu lejn l-istabbiltà fir-reġjun u lejn it-tisħiħ mill-ġdid tal-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani.