Ħames persuni ġew akkużati li aggredew b’mod vjolenti żagħżugħa ta’ 21 sena f’Paceville f’attakk li nqabad mill-cameras u li xxerred fuq il-midja soċjali. Tliet nisa ta’ 17, 18 u 19-il sena, u żewġt irġiel ta’ 23 u 26 sena tressqu l-Qorti il-Ġimgħa waranofsinhar dwar l-inċident.
L-akkużi huma marbuta ma’ filmat li kien qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali li juri tfajla tinġibed minn xagħarha u titkaxkar mal-art, filwaqt li tingħata daqqa ta’ ponn u bis-sieq. Ritratti u filmati juru kif ix-xagħar tat-tifla nqala’ mill-basla, xufftejha maqsuma, u mnieħirha tħalla mdemmi wara l-attakk.
Il-Maġistrat Lara Lanfranco, li ppresediet il-każ, ipprojbixxit l-ismijiet kollha involuti fil-każ mill-pubblikazzjoni sabiex tipproteġi lill-vittma. Il-ħamsa kienu akkużati li kkaġunaw ġrieħi, serq aggravat, kontravenzjonijiet kontra persuna, u reati kontra l-paċi pubblika. Iż-żewġt irġiel involuti ġew akkużati wkoll li kienu reċidivi.
Huma ġew akkużati li attakkaw liż-żagħżugħa fis-sigħat bikrin tad-29 ta’ Diċembru 2024 fi Triq Santu Wistin. Il-vittma spiċċat bi ġrieħi gravi mill-attakk u lilha nsterqu ġojjellerija stmata li tiswa aktar minn €230.
Il-Pulizija l-ewwel ġiet infurmata b’informazzjoni dwar tfajla mitlufa minn sensiha fit-triq għall-ħabta tat-3.30 ta’ filgħodu. Il-vittma ttieħdet malajr l-isptar u, meta ħarġet, ressqet rapport mal-Pulizija kontra l-attakkanti.
L-akkużati kollha wieġbu mhux ħatja u ħadd minnhom ma ngħata l-libertà proviżorja. L-Ispettur Roderick Attard flimkien mal-avukat Ylenia-Marie Abela mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit dehru għall-erba’ akkużati. L-avukat David Bonello aġixxa għall-uniku minorenni fil-każ. L-Avukat Matthew Xuereb deher bħala parte civile għall-vittma.
//= $special ?>