Il-Gvern tad-Danimarka m’għandu l-ebda ħsieb li jeskala ‘gwerra bil-kliem’ mal-Istati Uniti wara l-kummenti kontroversjali tal-President-elett Amerikan, Donald Trump. Kriżi li nqalgħet wara li Trump qal li jinsab lest biex jieħu l-kontroll ta’ Greenland bil-forza militari ‘f’każ li jqis dan il-pass bħala neċessarju’.
Ir-residenti fil-gżira ta’ Greenland – territorju Daniż li jgawdi livell sinifikanti ta’ awtonomija – huma ċittadini tad-Danimarka u anki tal-Unjoni Ewropea peress li l-gżira titqies ukoll bħala Overseas Territory tal-istess Unjoni.
Intant, it-theddid ta’ Trump għadu qed iqajjem furur mhux biss fi Greenland, iżda anki f’Kopenhagen, il-kapitali tad-Danimarka u fejn il-Ministru Daniż għall-Affarijiet Barranin, Lars Løkke Rasmussen, qal li t-tmexxija Daniża qed tieħu din is-sitwazzjoni bl-akbar serjetà.
Hu mifhum li Trump hedded, fost oħrajn, li jimponi t-tariffi sostanzjali għad-Daniżi f’każ li huma jostakolaw l-ambizzjonijiet tiegħu dwar Greenland – u wara li hu kien offra biex jixtri din il-gżira ‘bħala pass għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-Istati Uniti.’
Intant, il-Prim Ministru tad-Danimarka, Mette Frederiksen, qalet li ‘ma timmaġinax’ li Trump juża tassew is-saħħa militari biex jaħtaf Greenland – waqt li Lars Sandahl Sorensen, il-Kap Eżekuttiv tal-Industrija Daniża, ħeġġeġ għall-kalma fost il-kumment li ‘ħadd mhu interessat f’li jqabbad xi gwerra kummerċjali’.
Iżda wara l-kwinti hemm it-tensjoni u meta l-aħħar jiem, f’Kopenhagen, kienu ddominati bil-laqgħat għall-ogħla mexxejja Daniżi – laqgħat li rriflettew ix-xokk kollettiv għat-theddid tal-President-elett Amerikan.
U wara l-laqgħat bejn il-Prim Ministru ta’ Greenland, Mute Egede, il-Prim Ministru Frederiksen u r-Re Daniż Frederik X, il-mexxejja tal-partiti minn kull naħa tal-ispektrum politiku, fl-aħħar sigħat, iltaqgħu mal-istess Mette Frederiksen għal summit straordinarju fil-Parlament ta’ Kopenhagen – summit li indirizza speċifikament din il-kriżi u ‘l-provokazzjoni’ ta’ Trump fis-sitwazzjoni delikata.
//= $special ?>