Lokali

Id-Delegat Speċjali ta’ Abela jiddefendi lil ta’ qablu

Manuvri tal-fazzjoni ta' Muscat biex tħarbat l-anniversarju ta' Robert Abela

“Kien hemm min dawwar wiċċu n-naħa l-oħra”.

Hija din il-botta diretta ta’ Jason Micallef, hekk kif fil-ġimgħa ċelebrattiva ta’ Robert Abela għażel li jdawwar kompletament l-attenzjoni tal-partitarji Laburisti fuq Joseph Muscat. Bid-Delegat Speċjali tal-Labour jitfa’ post fuq Facebook fejn – fl-istess waqt li jattakka lill-PN – jitfa’ botti diretti lejn il-klikka ta’ Robert Abela.

“Tajtuh kemm flaħtu”, kiteb Micallef b’referenza għall-Eks Leader Laburista “u kien hemm ukoll min dawwar wiċċu n-naħa l-oħra, mhux jien.”

Ħafna fil-qalba tal-Labour qed jinsistu li din hija referenza diretta għall-attitudni li ħa fl-aħħar jiem Robert Abela fil-konfront tal-Inkjesta 17 Black. Meta l-Mexxej Laburista prova jaħsel idejh.

Veterani fil-Labour u sorsi tagħna fiċ-Ċentru Nazzjonali qed jgħidu li din il-mossa diġà ma ħadmitx fil-passat, u se tagħmel aktar ħsara. “Filli jgħid li kontinwità, u filli jaħsel idejh”, stqarr wieħed mill-partitarji li għadu sal-lum jaħlef b’Muscat. U li bħal ħafna jinsab urtat bl-attitudni li qed jieħu l-Prim Ministru.