Lokali

Il-HopeXchange Medical Center: L-isptar mibni b’fondi minn Malta jwettaq b’suċċess operazzjonijiet tal-kliewi

Il-HopeXchange Medical Center, l-Isptar mibni b’donazzjonijiet minn Malta, għadu kif wettaq żewġ operazzjonijiet ta’ trapjant tal-kliewi. Dawn l-interventi kienu jinvolvu erba’ operazzjonijiet li saru f’jumejn. B’hekk dan il-HopeXchange sar wieħed mill-ftit sptarijiet fil-Ghana kollha li se jkun qed iwettaq operazzjonijiet maġġuri ta’ dan it-tip.

L-interventi saru minn tobba minn diversi pajjiżi, li taw is-servizz specjalizzat tagħhom. Il-proċeduri kienu jinvolvu lil żewġ donaturi li sarulhom operazzjonijiet biex jitteħdulhom il-kliewi tagħhom ħalli jkunu jistgħu jingħataw lil żewġ pazjenti oħra. L-erba’ pazjenti jinsabu f’kundizzjoni stabbli u digà ġew rilaxxxati mill-isptar filwaqt li qed jibqgħu jiġu segwiti.

Skont Akosua Frimpomaa Amoateng, is-supretendent mediku tal-HopeXchange Medical Center, operazzjonijiet ta’ dan il-kobor wasslu għal sfidi kbar fosthom li l-isptar ikollu sala adegwata ta’ kura intensiva, staff imħarreġ kif ukoll l-apparat neċessarju kollu.

It-trapjant tal-kliewi, kif ukoll trapjanti oħra, huma parti mill-istrateġija tal-HopeXchange li permezz tal-għotjiet finanzjari minn diversi pajjiżi, fosthom minn Malta, ikompli miexi ‘l quddiem fit-triq li beda, u b’hekk jipprovdi kura lil numru akbar ta’ pazjenti, l-aktar dawk foqra.

Il-HopeXchange Medical Centre issa qed ukoll iżid estensjoni billi jibni Mother and Child Hospital mgħammar sewwa biex jagħti tama lil nisa li qed iwelldu u t-trabi taghhom. B’hekk, issa, aktar nisa jistgħu jirċievu kura f’kull stadju tat-tqala, informazzjoni dwar saħħithom, tagħrif dwar kif għandhom iwelldu, kif ukoll kif jistgħu jipprevenu mard ieħor.

Mario Cappello, id-Direttur ta’ dan l-isptar, ikkummenta kif il-ġenerożità kbira li qed jirċievi dan l-isptar, qegħda tigi msarrfa f’terapija li qed tilħaq madwar 70,000 pazjent fis-sena li ħafna minnhom ma kienx ikun possibbli għalihom li jingħataw kura daqshekk speċjalizzata. Huwa kompla billi irringrazzja lill-Maltin kollha li għenu matul is-snin lil dan l-Isptar bid-donazzjonijiet tagħhom kif ukoll lill-Gvern Malti għall-għoti ta’ diversi grants.