Lokali Qorti

Il-Qorti tordna lill-Awtorità tal-Artijiet tħallas €132,000 talli injorat sentenza

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili mmultat lill-Awtorità tal-Artijiet €132,000 wara li nstabet ħatja li naqset milli żżomm ma’ sentenza tal-Qorti biex tibda proċess ta’ esproprjazzjoni fuq art li ħadet fl-1995 f’San Ġwann.

L-art kienet ittieħdet biex tinbena Triq il-Kokka biex San Ġwann jingħaqad ma’ Triq Reġjonali iżda sidha, Mario Dingli, kien laħaq ġab il-permess biex jibni villa. Permezz ta’ dikjarazzjoni tal-President fl-1995 stess, il-Gvern ħa madwar 25 metru sabiex jinbena culvert tal-ilma minħabba li bosta residenti fit-triq kienu ilmentaw li qed issirilhom il-ħsara kull darba li tagħmel ix-xita.

Fl-2008, Dingli beda proċeduri kontra l-Awtorità biex jitħallas id-danni talli ttieħdu 211-il metru kwadru minn artu u mhux 25 metru kwadru. Fl-2019, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet il-kawża favur Dingli u tat tliet xhur ċans lill-Awtorità biex tiftaħ il-proċeduri ta’ esproprjazzjoni.

Il-Qorti kienet qalet fis-sentenza tagħha li jekk tonqos milli għamlet dan, hi kienet se tiġi ordnata tħallas €500 lil Dingli għal kull ġurnata li ddum ma tibda l-proċeduri meħtieġa. Erba’ snin wara li nqatgħet is-sentenza, Dingli fetaħ kawża oħra li fiha ilmenta li l-Awtorità baqgħet ma fetħitx il-proċeduri, bl-Awtorità tirribatti li fetħithom għaliex wettqet rapport dwar il-każ.

Hi sostniet li s-sentenza tal-Qorti tal-Appell qalet li fi tliet xhur kellha mqar tibda l-proċeduri u mhux tagħlaqhom. L-Awtorità spjegat li waslet għall-konklużjoni li l-art kellha valur ta’ €26,209 u meta ntlaħaq qbil biex Dingli jitħallas dan l-ammont minn Transport Malta peress li t-talba oriġinali kienet saret mill-entità magħrufa bħala d-Dipartiment tat-Toroq, li fis-snin ta’ wara nbidlet fi Transport Malta.

Madankollu meta l-Awtorità talbet lil TM tħallas dan l-ammont, l-entità wieġbet li kienet se tħallas biss meta l-fondi jkunu disponibbli. Minħabba dan id-dewmien, l-Awtorità ddeċidiet li tħallas is-€26,209 hi minflok. Madanakollu, Dingli kkontesta din is-somma u dawn il-proċeduri għadhom għaddejjin.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li ma qablitx mal-mod kif l-Awtorità ddikjarat il-proċeduri ta’ esproprjazzjoni u li meta nediet ir-rapport preliminari, fil-verità ma kinitx bdiet il-proċeduri. Il-Qorti qalet ukoll li l-Awtorità setgħet laħqet deċiżjoni fid-dawl li kienet lestiet it-tali rapport u nnotat li kien hemm xahrejn dewmien bejn it-tlestija tar-rapport u l-approvazzjoni tal-kumpens lil Dingli.

“Huwa diffiċli li wieħed jifhem għalfejn kien hemm il-ħtieġa li t-tali approvazzjoni kellha ddum xahrejn biex tiġi konkluża”, irrimarkat il-Qorti li semmiet kif Dingli ilu mill-1996 jistenna li jingħata kumpens.

Il-Qorti għaldqstant iddikjarat li l-Awtorità tal-Artijiet trid tħallas €132,000 lil Dingli abbażi n-nuqqasijiet tagħha. L-ispejjeż tal-kawża jridu jitħallsu wkoll mill-Awtorità.

L-Imħallef Henri Mizzi ppresieda l-kawża.