Lokali

“It-tanker tal-gass huwa prova ta’ monument ta’ korruzzjoni” – PN

Robert Abela issa qed jipprova jaħsel idejh mill-iskandlu tal-kumpanija 17 Black u l-Panama Papers wara li tħabbar li l-esponenti għolja tal-Labour, Keith Schembri u Konrad Mizzi, se jkunu fost dawk li se jiffaċċjaw akkużi kriminali fl-Inkjesta Maġisterjali, u l-korruzzjoni fil-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.

Abela qed jagħmel minn kollox biex jinfatam minn dan l-iskandlu billi jrid ibellagħhielna li m’hemm ħadd fil-Partit Laburista llum li huwa involut f’dan l-iskandlu ta’ korruzzjoni.

Fir-realtà, imma, Robert Abela u sħabu l-Ministri ddefendew lil Keith Schembri u Konrad Mizzi kemm-il darba, inkluż fil-Parlament, meta vvutaw kontra mozzjonijiet ta’ sfiduċja f’dawn iż-żewġ esponenti għolja tal-Partit Laburista aktar minn darba wara li faqqa’ dan l-iskandlu.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-power station tal-Electrogas – momument tal-koruzzjoni tal-Gvern Laburista li tinsab fiċ-ċentru ta’ dan l-iskandlu – ix-Shadow Minister Beppe Fenech Adami u x-Shadow Minister Ryan Callus spjegaw kif jgħid x’jgħid u jipprova kemm jipprova, Robert Abela mhu se jirnexxilu qatt jipperswadi lill-poplu Malti li m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dan l-iskandlu.

Huma fakkru kif fl-aħħar tmien snin, mill-2016 lil hawn, Robert Abela u sħabu vvutaw kontra diversi mozzjonijiet ta’ sfiduċja li tressqu fil-Parlament kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri, inkella biex id-dibattiti dwar dawn il-mozzjonijiet ma jsirux.

Il-Ministri u Deputati Laburisti li ddefendew lil Mizzi u Schembri bil-vot tagħhom meta faqqa’ l-każ, illum huma l-istess nies fil-Kabinett u l-Grupp Parlamentari ta’ Abela, waqt li anke wara li Robert Abela tela’ fil-Parlament, bħala Deputat Laburista vvota ma’ sħabu biex ma jgħaddux il-mozzjonijiet ta’ sfiduċja u biex jiddefendi lill-Eks Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri u lill-Eks Ministru u Eks Deputy Leader Laburista Konrad Mizzi.   

Dak iż-żmien Robert Abela kien ukoll konsulent legali tal-Prim Ministru Muscat u tal-Kabinett tiegħu, u bħala konsulent tal-kabinett kien ta l-parir biex jibqgħu jiddefendu lil Mizzi u Schembri, u jivvutaw favur tagħhom. Eventwalment, f’Jannar 2020 – Abela laħaq Prim Ministru flok Joseph Muscat.

Fi ftit kliem, spjegaw ix-Shadow Ministers, sew jekk kien l-iskandlu tal-Panama Papers u sew jekk kien l-iskandlu tat-Tanker tal-Gass, il-Partit Laburista vvota kontra kull mozzjoni ta’ sfiduċja li ressaq il-Partit Nazzjonalista, u issa dak l-istess nies li vvutaw biex jipproteġu lil Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat għandhom responsabbiltà politika x’jerfgħu.

Nhar il-Ħadd li ġej Robert Abela se jkun qed jipprova jiġbor in-nies f’show of force f’għeluq il-ħames snin tiegħu bħala Prim Ministru. Abela ma jistax inessina li biex laħaq Prim Ministru daħal f’patt imxajtan mal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat – li kif stqarrew Keith Schembri u Konrad Mizzi stess, dejjem aġixxew fuq l-istruzzjonijiet tiegħu. Ma jistax inessina lanqas li proprju ħames snin ilu meta laħaq Prim Ministru, fost l-ewwel nies li marru jgħannquh u jiċċelebraw miegħu kien hemm Konrad Mizzi.

Issa Robert Abela qed jirrifjuta li jagħmel apoloġija għall-ħniżrijiet li wettqu dawn l-uffiċjali għolja fil-qalba tal-Labour. Meta l-inqas ħaġa li jista’ jagħmel Abela hu li jagħmel apoloġija f’dawn iċ-ċirkostanzi gravi li qed ngħixu fil-governanza ta’ pajjiżna.

Il-poplu Malti qed jistenna li Robert Abela jiskuża ruħu għall-mod kif aġixxew dawn in-nies fil-qalba tal-Partit Laburista li issa se jiġu mixlija b’sensiela ta’ reati kriminali wara li dak li ħareġ mill-Inkjesta Maġisterjali.

Imma mhux biss. Qed jistenna wkoll li tintrefa’ r-responsabbiltà politika minn dawk li quddiem il-ħażen u l-korruzzjoni għażlu li jipproteġu lil Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat flok ivvutaw favur mozzjonijiet li kienu qed jitolbu għat-tneħħija tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jesiġi li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, minflok tkompli sservi ta’ forċina għall-Prim Ministru Abela u l-Gvern Laburista, tippubblika mingħajr aktar dewmien l-Inkjesta Maġisterjali sħiħa biex il-poplu Malti jkun jaf min serqu l-miljuni u kemm insteraq bil-korruzzjoni. Huma fakkru kif kieku ma kienx għall-PN, din l-Inkjesta ma nfetħitx, u l-Kap tal-PN Bernard Grech kien l-ewwel wieħed li talab biex l-Inkjesta sħiħa tiġi ppubblikata.

Proprju quddiem il-power station tal-Electrogas, l-akbar monument tal-korruzzjoni ta’ Gvern Laburista, iż-żewġ kelliema spjegaw kif kull darba li jixegħlu d-dawl, il-Maltin illum ikunu qed iħallsu l-flus lill-korrotti għax il-kumpanija 17 Black twaqqfet proprju biex tilqa’ fiha pagamenti gejjin mill-operat tal-power station li nħallsu għalihom fil-kontijiet tad-dawl tagħna.

Fuq insistenza tal-Kap tal-PN Bernard Grech, il-kuntratt tal-power station tressaq ukoll quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi biex jiġi investigat. Hemmhekk, Konrad Mizzi u Keith Schembri għamlu minn kollox biex jaħarbu mid-domandi li sarulhom.

Minn investigazzjoni parlamentari, illum li ntemmet l-Inkjesta, dan l-iskandlu ta’ korruzzjoni issa nbidel f’każ kriminali, u dawk li wettqu l-korruzzjoni jridu jħallsu ta’ għemilhom.