Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li allegatament avviċina lil eks sieħba f’bar u kiser l-ordni ta’ trażżin

Raġel li reċentement ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża talli fastidja lill-eks tfajla tiegħu u kkaġunalha biża’ reġa’ spiċċa l-Qorti l-Ġimgħa mixli li kiser ordni ta’ trażżin meta allegatament tfaċċa fil-bar li kienet fih l-allegata vittma.

Ir-raġel, ta’ 36 sena minn Birżebbuġa, ġie mixli li kiser l-ordni ta’ trażżin li daħlet il-Qrati fid-19 ta’ Diċembru 2024. Dakinhar li ngħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin talli ta fastidju lill-eks tiegħu meta ripetutament ċemplilha u tfaċċa fuq il-post tax-xogħol tagħha wara li spiċċat minn miegħu.

Huwa kien mixli wkoll li rkadi u kiser is-sentenza ta’ ħabs sospiża mogħtija mill-Maġistrat Leonard Callus li kien ordna projbizzjoni fuq l-identità tal-akkużat biex iħares lill-vittma. Il-Maġistrat Lara Lanfranco, li ppresediet il-każ, semgħet lill-Ispettur tal-Pulizija Audrey Micallef tixhed li l-eks sieħba tal-akkużat kienet għamlet rapport fejn sostniet li l-akkużat mar f’bar f’Ħaż-Żebbuġ fejn kienet hemm hi mal-ħbieb u ppruva jkellimha.

Sostniet ukoll li ċempillha minn numru mhux magħruf iżda għarfet il-vuċi tiegħu. Dan kollu seħħ waqt li kien taħt ordni ta’ trażżin biex ma javviċinax lill-eks tiegħu. Il-prosekuzzjoni qalet li t-telefonata saret minn mowbajl ta’ ħabib tiegħu li huwa ta’ nazzjonalità barranija.

L-Avukat Victor Bugeja, li deher għall-akkużat, qal li l-klijent tiegħu qed jinsisti li kienet l-eks sieħba tiegħu li ċemplitlu biex jiltaqa’ magħha. Tenna wkoll li hu qatt ma heddidha jew iġiegħelha li tibża’ minnu. L-akkużat inżamm taħt arrest preventiv u l-Qorti rrakkomandat lid-direttur tal-ħabs jiżgura li l-akkużat jingħata assistenza biex jindirizza l-problemi tiegħu ta’ abbuż tad-droga waqt li jkun f’kustodja preventiva.