Id-dinja tinsab dejjem aktar viċin iż-żieda ta’ 1.5 gradi Celsius fuq il-livell tas-sħana aċċettabbli b’konsegwenza tal-global warming. Dan minkejja li l-mexxejja tal-pajjiżi, fosthom uħud mill-aktar Stati industrjalizzati, wiegħdu, għaxar snin ilu, li kienu se jingħaqdu f’impenn kollettiv biex jevitaw il-problemi katastrofiċi dovuti għall-bidliet fil-klima.
Is-servizzi tal-Copernicus – l-entità osservatur tal-Unjoni Ewropea dwar il-klima – issa żvelat data li turi li s-sena li għaddiet kienet l-ewwel waħda li fiha s-sħana qabżet it-threshold simboliku u li jfisser l-2024 kienet l-aktar sena sħuna kemm ilhom jinżammu r-rekords.
U waqt li dan ma jfissirx li l-livell tas-sħana qabeż il-1.5 gradi Celsius addizzjonali — skont il-kriterji internazzjonali — hu fatt li d-dinja tinsab eqreb dan l-iżvilupp storiku, peress li l-emissjoni tal-fossil fuels qed ikomplu jsaħħnu l-atmosfera. Il-1.5 gradi Celsius ogħla fil-livelli tas-sħana, sadanittant, jirreferi għaż-żieda medja fuq l-livelli attwali kalkulata fuq l-għexieren tas-snin.
In-Nazzjonijiet Uniti wkoll qed isegwi l-iżviluppi u meta s-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni, António Guterres, fisser l-aħħar ksur tar-rekords tas-sħana bħala ‘l-kroll tal-klima kif nafuha’. Hu qed iwissi mill-ġdid biex il-pajjiżi jieħdu l-passi meħtieġa biex inaqqsu l-emissjoni tal-gassijiet ‘bil-għan li aħna lkoll nevitaw katastrofi’ u meta d-dinja m’għandhiex aktar ħin xtaħli.
Il-medja tat-temperaturi globali għall-2024 kienu madwar 1.6 gradi Celsius ogħla mit-temperaturi ta’ qabel l-era industrijali fejn il-bniedem beda jaħraq l-ammonti kbar tal-fossil fuels.
L-istatistika ta’ Copernicus, intant, qed turi li l-livelli tas-sħana għas-sena li għaddiet kisru r-rekord għas-sena ta’ qabilha (2023) bi ftit aktar minn 0.1 gradi Celsius… sitwazzjoni li tfisser li l-aħħar għaxar snin huma wkoll l-aktar snin li rreġistraw rekord wara l-ieħor tas-sħana fiż-żmien kollu li ilhom isiru l-kalkuli relatati.
L-aġenzija NASA tal-Istati Uniti u gruppi oħrajn ta’ esperti dwar il-klima wkoll qed iħejju d-data tagħhom – u fost l-istennija li huma wkoll kienu se jiddikjaraw l-2024 bħala l-aktar sena sħuna fl-istorja.
Dan meta minbarra l-emissjoni tal-gassijiet (inkluż il-livelli rekord tal-carbon dioxide) li qed isaħħnu lill-pjaneta, wieħed irid anki jkkunsidra l-effetti naturali tal-fenomeni tat-temp bħal El Niño – fejn l-ilma tal-Oċean Paċifiku tropikali qed issir dejjem aktar sħuna minn sena għall-oħra.
//= $special ?>