Il-kalvarju tan-nirien fl-Istat ta’ Kalifornja bl-ebda mod ma jrid ibatti u meta fl-aħħar sigħat komplew joħorġu rapporti dwar il-mejtin u l-midruba b’konsegwenza tal-hekk imsejħa ‘wildfires’ li ilhom il-ġranet jaqbdu fil-madwar ta’ Los Angeles kif ukoll f’diversi zoni tal-belt.
Il-vittmi tan-nirien, skont l-aħħar rapporti, qabżu l-għaxra, bl-awtoritajiet ma jeskludux li jsibu aktar katavri tan-nies maħruqin ladarba s-sitwazzjoni tinġieb taħt kontroll.
Fil-fatt, il-poplu – u l-iskwadri għall-emerġenza – f’Los Angeles qed jistennew aktar elementi tat-temp li kapaċi jżidu mal-qilla tal-fjammi li qerdu kwantità enormi ta’ djar, fosthom ir-residenzi tal-atturi taċ-ċinema (ħafna minnhom ismijiet ċelebri ta’ Hollywood) fl-inħawi ta’ Malibu u Pacific Palisades.
It-tbassir ta’ rwiefen ġodda u l-kundizzjonijiet ta’ nixfa persistenti f’Kaliforna wasslu wkoll biex l-awtoritjiet jinsistu bl-ogħla livell ta’ twissija – magħruf bħala ‘red flag’ – u li jindika li n-nirien fl-artijiet t’isfel tal-Istat se jibqgħu kritiċi, almenu sal-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.
Skont l-aħħar rapporti, għadhom qed jaqbdu ħames nirien – kollha f’inċidenzi separati – u bil-Pulizija tarresta raġel fuq suspett li hu kien qabbad wieħed minn dawn in-nirien li ma damx biex infirex qalb meda ta’ territorju.
Madankollu, l-awtoritajiet responsabbli mill-impenji għall-kontroll tan-nirien qalu li ma hemm l-ebda provi konklussivi li l-‘wildfires’ tqabbdu apposta minn xi persuni. Fl-istess ħin, hu minnu li ċ-ċirkustanzi, għalissa, qegħdin ifixklu kull tip ta’ investigazzjoni qalb iz-zoni tal-qerda fil-madwar ta’ Los Angeles.
Sadanittant – u fost l-istat ta’ emerġenza – qed tkompli l-istennija għall-konferma ta’ mejtin ġodda kaġun tan-nirien li huma fost l-agħar li qatt laqtu l-inħawi ta’ Los Angeles waqt l-istaġun tax-xitwa. Dan ukoll waqt li Robert Luna, ix-Xeriff ta’ Los Angeles County, qal li hu wisq perikoluż biex l-iskwadri għall-emerġenzi jaslu qalb l-agħar zoni affettwati mill-fjammi tal-‘wildfires.’
//= $special ?>