Lokali

Il-Ministru Laburista Michael Falzon nesa dak li kien xehed fl-Inkjesta Pubblika

“Kont seren.” Dan kien kliem il-Ministru Laburista Michael Falzon meta lura fl-2020, proprju fit-12 ta’ Ottubru, kien xehed quddiem il-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar il-fiduċja li huwa kien ta lil Konrad Mizzi.

Iżda, minkejja dan id-diskors, ftit iktar minn erba’ snin wara, il-Ministru jew nesa diskorsu stess jew, sforz kemm kien skomdu, ipprova jilgħabha magħna li qatt ma qal dan il-kliem.

Ġ: “Tħossok seren, iva jew le?”
MF: “Ma jidhirlix li qatt użajt il-kelma seren, u nerġa’ ngħidlek, dak li għidt jibqa’ l-istess. Jekk joġgħbok, meta tikkwotaw lil xi ħadd kunu ċerti li qed tikkwotawh tajjeb. M’għandix x’inżid ma’ dak li diġà għidtlek.”

Iżda minkejja kliemu llum il-ġurnata, riċerka sempliċi li għamel Net News turi kif il-kmamar tal-aħbarijiet lokali kienu rraportaw bi prominenza proprju diskorsu. B’Net News jirrapporta kif kien qal li ħassu seren, it-Times irrapportat li qal li huwa kien lest li jerġa’ jivvota l-istess, jiġifieri favur Konrad Mizzi, u l-Independent tirrapporta wkoll kif huwa vvota b’għaqda mad-deputati Laburisti.

U mistoqsi mill-ġdid jekk illum il-ġurnata jħossux seren meta jaf li ta l-vot ta’ fiduċja tiegħu lil Mizzi, huwa żied jgħid biss li m’għandux iktar x’iżid.

Ġ: “Tħossok seren, iva jew le?”
MF: “M’għandix x’inżid ma’ dak li diġa’ għidtlek.”

Intant, Net News staqsa wkoll lill-Ministru Falzon dwar ir-racket tal-benefiċċji soċjali li minnu l-poplu Malti u Għawdxi ġie misruq eluf ta’ ewro.

Ġ: “Ma taħsibx li kieku kontu tagħtu iktar kieku ma rajniex dan ir-racket tal-benefiċċji soċjali?”
MF: “Li m’għamilniex żgur aħna li ma tfajniex rasna fir-ramel.”