Lokali

“Nikkundannaw l-attakki viljakki fuq Robert Aquilina” – Repubblika

Repubblika ġġedded is-solidarjetà sħiħa tagħha mal-President Onorarju tagħha Robert Aquilina u mal-Avukat Jason Azzopardi li għadhom fil-mira ta’ kampanja sistematika ta’ mibegħda u theddid orkestrata minn Joseph Muscat.

Fix-xhieda ġuramentata lbieraħ, Joseph Muscat gideb ripetutament. Huwa xela lil kulħadd li kien f’konġura kontrih: maġistrati, investigaturi, esperti tal-Qorti, prosekuturi, avukati tal-istat, ġurnalisti, attivisti, politiċi, kulħadd. Qed jipprova juri l-innoċenza tiegħu billi jakkuża ‘l kulħadd ieħor bi ħtija li jivvinta.

Nikkundannaw il-mod viljakk li bih Joseph Muscat attakka lil Robert Aquilina.

Dan ftit wara li l-kelliem ta’ Muscat, Jason Micallef, ħejjielu l-għalqa b’post fuq Facebook fejn akkuża lil Robert Aquilina u Jason Azzopardi li huma mġienen, li huma perikolużi, u li hemm bżonn jissikktu.

Din hi kampanja intimidatorja li ilha għaddejja s-snin. Repubblika qalet li hi sistematika u ppersonalizzata u tfakkarna fil-kampanja li saret kontra Daphne Caruana Galizia. Il-kampanja kontra Aquilina għandha konsegwenzi reali. Bosta nies viċin il-Partit Laburista tressqu l-Qorti Kriminali u lkoll, bla ebda eċċezzjoni, instabu ħatja b’fomentazzjoni ta’ mibegħda u b’theddid fiżiku ta’ vjolenza fuq Aquilina. 

Ilbieraħ Muscat fil-Qorti sikket il-mistoqsijiet tal-avukat tal-istat b’ċanfira. Qallu, “tinsiex li qed tkellem Eks Prim Ministru”. Bla dubbju ħadd ma jinsa li Joseph Muscat kellu l-poter ta’ prim ministru għax hu dak il-poter li hu akkużat li abbuża. Għadu jippretendi li jabbuża dak il-poter, li jgawdi l-impunità u li jhedded u jintimida lil kull min jiqaflu.

Repubblika fakkret lill-istat li hu l-obbligu tiegħu li jipproteġi lil Aquilina, Azzopardi, u kull min iwettaq dmiru biex jara li l-ġustizzja tkun l-istess għal kulħadd, partikolarment għall-eks prim ministri li abbużaw il-poter li nsilfilhom.

Robert Aquilina mhux se jibża’ jieqaf lil Joseph Muscat. Jason Azzopardi mhux se jibża’ jiqaflu. Repubblika mhix se tibża’ tiqaflu, sa meta Joseph Muscat iħallas t’għemilu. Is-sewwa hekk irid.