Raġel bla ebda indirizz fiss li qed jistenna biex jgħaddi ġuri meta jinsab akkużat bi qtil fl-2013 u li kien barra bil-libertà proviżorja, ġie kkundannat sentejn ħabs wara li ammetta li f’Diċembru seraq minn dar u li sar riċediv.
Ronald Urry ta’ 60 sena ġie mixli li fit-8 ta’ Diċembru seraq minn dar f’Raħal Ġdid, li ħarab mill-kustodja tal-Pulizija, li hedded lill-Pulizija, li sar riċediv u li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenzi preċedenti tal-Qorti. Huwa ammetta għall-akkużi u ngħata sentejn ħabs mill-Maġistrat Lara Lanfranco.
Urry, flimkien ma’ Jason Galea, jinsab akkużat bil-qtil ta’ Matthew Zahra fl-2013. Huma kienu ngħataw il-libertà proviżorja fl-2014. Zahra kien ġie rrappurtat nieqes fl-2013 u l-fdalijiet tiegħu aktar tard instabu midfuna f’għalqa qrib Birżebbuġa, flimkien mat-traffikanti tad-droga Mario Camilleri, magħruf bħala L-Imnieħru, u ibnu Mario.
Jason Galea u George Galea kienu ġew mixlija bil-qtil ta’ Mario Camilleri u ibnu li għandu l-istess isem. Huma għadhom qed jistennew proċess.
Fil-każ tal-Ġimgħa, dehret għalih l-Avukat Alexia Vassallo filwaqt li Gabriel Kitcher mexxa l-prosekuzzjoni.
//= $special ?>