Internazzjonali

Stati Uniti: Sentenza ‘nulla’ għal Trump

Il-President-elett tal-Istati Uniti, Donald Trump, ma weħel l-ebda multa jew sentenza ta’ priġunerija wara l-verdett ‘null’ tal-qorti fi New York.

Il-verdett – magħruf bħala ‘conditional discharge’ – ingħata wara li l-Prosekuzzjoni ma talbet l-ebda perjodu ta’ ħabs, probation jew multa għal Trump u bis-sentenza tal-Imħallef tirrifletti din ir-realtà.

Sadanittant, Trump, li deher b’espressjoni serja fuq videolink waqt li akkumpanjat mill-avukat difensur, qal li – irrispettivament mill-verdett – din kienet esperjenza ‘terribbli’ għalih u li hu totalment innoċenti fir-rigward tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

L-Imħallef, fl-istess ħin, fisser il-każ bħala wieħed ‘straordinarju’ u ‘paradoss’ li qajjem attenzjoni kbira anki jekk il-proċeduri tal-qorti jistgħu jitqiesu bħala pjuttost normali.

F’Mejju li għadda, Donald Trump instab ħati dwar 34 għadd ta’ akkuża relatati ma’ flus li tħallsu minn taħt lil Stormy Daniels, attriċi tal-films pornografiċi, biex hi ma tikxef xejn dwar ir-relazzjoni li kellha mal-President Amerikan-elett.

Il-ħlas tal-hekk imsejjaħ ‘hush money’ mhux illegali fi New York – bl-akkużi miġjuba kontra Trump ikunu relatati mal-mod kif hu rrimborża lill-avukat tiegħu li kien ħallas il-flus partikulari lil Daniels.