Lokali

“Tweġġgħux lill-poplu” – kundanna qawwija min-nies għar-rappurtaġġ tal-midja Laburista

Gvern ġdid Nazzjonalista se jtejjeb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha – u huwa għalhekk li kulħadd irid jemmen u jaħdem.

Wara li għal żewġ surveys konsekuttivi, l-Awtorità tax-Xandir ikkonfermat lil Net Television bħala l-aktar stazzjon privat segwit f’pajjiżna, in-nies ta’ Robert Abela imbarkaw fuq strateġija b’saħħitha sabiex jippruvaw jimbuttaw is-Super One li maż-żmien tilef ħafna mill-popolarità tiegħu. Bid-direzzjoni tkun li għandhom jibdew jippubblikaw kemm jista’ jkun artikli online u kontenut varjat fuq it-televiżjoni biex joħolqu sens ta’ pożittività fost il-partitarji li jsegwu l-aħbarijiet tal-Labour.

Iżda t-tmexxija tal-istazzjon diġà ħadet falza stikka; għal waħda tnejn. U dak li seħħ ħoloq rebus sħiħ fil-kurituri tas-Super One.

L-ewwel każ kien dak żvelat minn Net News dwar programm fuq il-One, fejn il-producers xandru kontenut mill-intervista ma’ Luke Dalli li suppost kellha tiġi editjata. Bir-riżultat li spiċċaw weħlu l-ħaddiema. U b’Dalli stess jispiċċa f’nofs din il-kontroversja.

It-tieni każ seħħ il-ġimgħa stess meta n-newsroom tal-One ingħatat direzzjoni biex tippubblika artiklu dwar il-flus li għandhom in-nies fil-banek Maltin. Skont il-midja ta’ Robert Abela, il-familji Maltin għandhom biljuni ta’ ewro fil-banek – iżda dan l-artiklu xejn ma niżel tajjeb.

Fil-fatt, anke partitarji Laburisti bdew jgħidu li din hija “ċajta tal- 1 ta’ April”. Oħrajn qalu li s-Super One qatt ma jista’ jitwemmen. Dan filwaqt li kien hemm kummenti oħra bħal “tweġġgħux lin-nies”, “tqarrqux”, u “kunu onesti”.

Sinifikanti wkoll ir-reazzjonijiet ta’ diversi ġenituri li qed jaraw lil uliedhom ibatu biex jixtru proprjetà; żgħażagħ li żgur m’għandhomx biljuni fil-banek, iżda djun.

Dan l-artiklu ma kienx każ iżolat ta’ rappurtaġġ qarrieq mis-Super One. Apparti l-fatt li anke l-Prim Ministru fl-aħħar jiem inqabad ixerred fake news, meta stqarr li Malta kienet l-uniku pajjiż li toffri trasport pubbliku b’xejn – xi ħaġa li mhix vera.