Raġel ta’ 44 sena mill-Gambja, residenti l-Ħamrun tressaq il-Qorti wara li kien akkużat li biegħ d-droga waqt li kien qed idur fuq l-iscooter.
L-akkużat deher fil-Qorti s-Sibt filgħodu quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana. U ġie mixli li kellu l-kannabis.
Fi tfittxija li għamlet il-Pulizija, huma sabu li l-akkużat kellu fuqu ukoll joint u 9 qratas kannabis sintetika, kif ukoll 7.5 grammi kannabis.
L-Ispettur Mark Cremona spjeġa li l-Pulizija rċevew informazzjoni dwar l-akkużat li kien qed ibigħ d-droga fiż-żoni tal-Marsa u l-Ħamrun, waqt li kien qed isuq l-iscooter.
Fil-Qorti, id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif argumentat li l-ammont ta’ 7.5 grammi droga li nstabet kienet għall-użu personali.
Id-difiża żiedet tgħid li r-raġel kien ilu ġej u sejjer Malta 5 snin …..u qatt ma xellef difrejh mal-liġi.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba mill-ħelsien għall-arrest billi argumentat li l-imputat huwa bla xogħol, iżda xorta jirnexxilu jħallas €380 fix-xahar għall-kirja.
Irriżulta li r-raġel jgħix f’Malta b’mod illegali.
Il-Maġistrat Leonard Caruana laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000, iżda ordnat l-iffriżar tal-assi tal-akkużat.
//= $special ?>