Għawdex Lokali

Il-Gozo Business Chamber tinsisti fuq l-awtonomija reġjonali ta’ Għawdex

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex ċċelebrat il-25 anniversarju tagħha waqt avveniment li sar fil-10 ta’ Jannar, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.

Il-Kamra fil-fatt ġiet stabbilita permezz ta’ att pubbliku fil-20 ta’ Diċembru 1999. L-avveniment serva bħala punt ta’ riflessjoni għall-Kamra, billi pprovda ħarsa lejn il-passat kif ukoll lejn ilfutur. Minbarra l-President ta’ Malta, l-avveniment kien indirizzat ukoll mill-Prim Ministru, il-Kap tal-PN Bernard Grech, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex Mario Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia, u mistednin distinti oħrajn.

Matul l-avveniment ġie imniedi l-ktieb: “The Way Ahead, The Gozo Business Chamber in the Light of Gozo’s Recent History”. Dan inkiteb minn Michael Refalo li wkoll għamel intervent u ppreżenta l-ktieb. Il-ktieb jindirizza kemm l-istorja ekonomika ta’ Għawdex kif ukoll il-kontribut tal-Kamra tan-Negozju għal Għawdex lill-ekonomija u l-komunità Għawdxija.

Edward Warrington ukoll għamel intervent waqt l-avveniment, fejn irriffletta fuq ir-rwol u l-futur talKamra fid-dinja tal-lum.

Fid-diskors tiegħu tal-bidu il-President tal-Kamra tan-Negozju għal Għawdex Michael Galea, enfasizza li filwaqt li hemm bżonn li l-ekonomija Għawdxija tkun diversifikata, huwa importanti li Għawdex jingħata awtonomija reġjonali sabiex ikun jista’ jiddetermina l-prijoritajiet tiegħu bbażati fuq il-bżonnijiet tal-komunità Għawdxija:

“Biex Għawdex jirnexxi, jimxi ‘l quddiem u jirbaħ il-kompetizzjoni, hemm bżonn li jkollna aktar awtonomija. L-istorja tagħna turi li dejjem kellna determinazzjoni li mmexxu aktar lilna nfusna – li niddeċiedu dak li hu meħtieġ għalina . . . L-awtonomija tagħti lil Għawdex u lill-Għawdxin l-awtorita’ meħtieġa li hi kruċjali biex nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet dwar l-istrateġija ekonomika reġjonali, l-iżvilupp tal-infrastruttura u lpolitika reġjonali. Aħna nafu il-bżonnijiet veri minħabba li aħna ngħixu, naħdmu u ninpjegaw lin-nies f’din il-gżira.”

Michael Galea saħaq ukoll fuq l-importanza tal-konnettività, il-ħtieġa għal sptar ġdid għal Għawdex, il-ħarsien tal-ambjent, u r-rwol tal-Kamra fil-promozzjoni tan-negozju f’Għawdex.

Fid-diskors tal-għeluq, Daniel Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozju għal Għawdex, enfasizza li l-avveniment tal-25 anniversarju serva bħala punt importanti ta’ rfilessjoni biex jiġi analizzat il-kontribut tal-Kamra, kif ukoll biex jiġi diskuss ir-rwol tagħha fil-futur.

Huwa nnota li dan l-anniversarju jasal f’mument kruċjali fl-istorja tal-pajjiż, hekk kif kienu ċċelebrati
anniversarji importanti oħra bħal meta l-pajjiż sar indipendenti, repubblika, u Membru talUnjoni Ewropea. Huwa enfasizza li Għawdex u l-Għawdxin huma maturi biżżejjed biex Għawdex ikun reġjun awtonomu.

Madankollu, huwa rrimarka: “Għalhekk, filwaqt li nemmen fil-ħtieġa li jerġa’ jibda d-djalogu fuq it-Tiġdid Kostituzzjonali, l-awtonomija reġjonali ta’ Għawdex għandha tiġi studjata, implimentata u mdaħħla fil-Kostituzzjoni. Madanakollu, f’dan il-proċess id-djalogu politiku huwa ta’ importanza vitali. Filwaqt li jidher li hemm qbil minn kull naħa politika fuq ir-reġjonalita, jidher li hemm nuqqas ta’ qbil fuq il-forma ta’ kif din trid tiġi mplimentata. U għalhekk dawn il-jiem wassluni għal riflessjoni fuq il-ħtieġa ta’ djalogu politiku, onest, trasparenti u sinċier li ma joħnoqx l-aspirazzjonijiet tal-komunita’ Għawdxija.”

Huwa rrimarka dwar ir-rwol istituzzjonali tal-Kamra u l-ħtieġa li dan jissaħħaħ sabiex titjieb ilgovernanza ta’ Għawdex fil-livelli kollha. Fl-aħħar, huwa saħaq li l-eżistenza kontinwa talKamra ma tistax tittieħed bħala fatt.

Madankollu, bil-kollaborazzjoni ta’ kulħadd, il-futur tagħha jista’ jkun assigurat.