“L-awtonomija reġjonali ta’ Għawdex għandha tiġi studjata, implimentata u mdaħħla fil-Kostituzzjoni, bi djalogu politiku u trasparenti”.
Kien dan kliem il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozju għal Għawdex, Daniel Borg, waqt l-attività f’għeluq il-25 sena minn mindu twaqqfet il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex.
Bil-Kap Eżekuttiv jappella lill-politiċi sabiex ir-reġjonalità ta’ Għawdex ma tintużax bħala ballun politiku. Fejn appella ukoll sabiex il-qafas reġjonali għal Għawdex jiżgura allokazzjoni finanzjarja sabiex ic-Chamber u oħrajn bħalha f’Għawdex, isaħħaħ il-governanza fuq kull livell.
F’din l-attività, li għalija kien hemm preżenti wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, wassal id-diskors tiegħu wkoll il-President tal-Gozo Business Chamber Michael Galea illi stqarr li Għawdex hija gżira unika li għandha realtajiet ġeografiċi li jillimitaw ċertu żvilupp ekonomiku.
Fejn Michael Galea stqarr ukoll illi jeħtieġ li Għawdex twessa l-bażi ekonomika tagħha billi tinvesti fis-settur tad-diġitalizazzjoni, l-ekonomija ħadra u anke l-edukazzjoni.
Bil-President taċ-Chamber saħaq li jifhem li l-infrastruttura għal dan hija lesta fosthom it-tieni fibre optic bejn il-gżejjer – iżda wera d-diżappunt għall-fatt li l-investiment li sar mill-Gvern mhux jilħaq l-iskop tiegħu, għaliex fid-Digital Innovation Hub, flok qed tintuża’ minn kumpaniji li huma fis-settur tat-tekonoloġija, qed tintuża minn entitajiet governattivi.
Huwa tenna, illi l-awtonomija tagħti lil Għawdex u lill-Għawdxin l-awtorità meħtieġa sabiex jittieħdu deċiżjonijiet dwar strateġija ekonomika u politika reġjonali.
Michael Galea enfasizza wkoll, dwar żewġ problemi urġenti li għandhom jiġu indirizzati: dik tal-konnettività bejn il-gżejjer u anke l-Isptar Ġdid ta’ Għawdex.
Hawnhekk appella għar-rikonoxximent tal-fatt li l-popolazzjoni f’Għawdex żdiedet minħabba l-imigrazzjoni u għalhekk il-bżonn ta’ Sptar li jlaħħaq huwa iminenti.
Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin joffri numru ta’ proposti u jappella għall-konnettività aktar effiċjenti bejn Malta u Għawdex, għal sptar ġdid għal Għawdex li kellu jsir snin ilu, u sabiex Għawdex tingħata l-awtonomija li verament tixraqilha.
//= $special ?>